“Il-pajjiżi tax-Xlokk Mediterranju jistgħu jitgħallmu minna dwar negozju” – Abela

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, qal li x-Xlokk tal-Mediterran jista’ jitgħallem qatigħ mill-pajjiżi taċ-Ċentru tal-Mediterran, li Malta hi parti minnu, dwar kif dawn sfruttaw l-interkonnettività biex jiżviluppaw in-negozju.
Il-Ministru Abela kien qed jindirizza t-12-il konferenza internazzjonali annwali magħrufa bħala l-Forum ta’ Dubrovnik, bit-tema ‘Adriatic-Mediterranean Cooperation and Security in Southeast Europe’, li saret f’Dubrovnik, il-Kroazja, nhar is-Sibt.
L-enfasi tal-Forum din is-sena kienu l-isfidi komuni għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran u fir-reġjuni ta’ madwaru billi tissaħħaħ il-koperazzjoni u jiġi inkoraġġit id-djalogu, filwaqt li jinħatfu l-opportunitajiet eżistenti għal azzjonijiet konkreti u futuri.
“Inħeġġu lill-pajjiżi tal-Adrijatiku-Mediterran u tax-Xlokk tal-Ewropa biex jibqgħu jiżviluppaw il-potenzjal għal aktar integrazzjoni tas-swieq, kompetittività, u sostenibbiltà,” qal il-Ministru Abela. “Dan iwassal għal inqas spejjeż għall-moviment ta’ prodotti u servizzi fil-Balkani tal-Punent, u bejn dak ir-reġjun u l-UE.”
Abela tkellem dwar x’qed tagħmel Malta għal tkabbir fl-interkonnettività bejn in-negozji.
Fakkar li, waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, il-Kunsill approva l-kontenut tad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta dwar il-politika tal-UE dwar it-Trasport, li tpoġġi l-kompetitttività, id-dekarbonizzazzjoni, u d-diġitalizzazzjoni bħala l-prinċipji gwida li se tkun il-bażi għall-politika tal-UE dwar it-trasport marittimu sal-2020 u lil hinn minnha.
Semma wkoll kif ftit xhur ilu, ġie inawgurat interkonnetur tal-elettriku ma’ Sqallija, filwaqt li l-Gvern Malti issa qed jaħdem fuq proġett simili għal pajp tal-gass, f’kollaborazzjni mal-Italja. Barra minn hekk, b’riżultat ta’ investiment barrani, inbena impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass u li beda jiffunzjona.