
Is-27 stat membru tal-UE laqgħu l-estensjoni dwar it-taħdidiet għar-relazzjoni futura mar-Renju Unit u impenjaw ruħhom li jieħdu “l-passi kollha meħtieġa” biex jistabbilixxu kwalunkwe ftehim milħuq min-negozjaturi kemm jista’ jkun malajr.
Diplomatiċi fi Brussell qalu li jilqgħu l-aġġornament mingħand in-negozjati, li juri li sar progress u li n-negozjati effettivament se jkomplu. Saħqu li l-jiem li ġejjin se jkunu importanti.
Fil-każ li jintlaħaq ftehim ippreżentat min-negozjatur Barnier, il-Kunsill (li jirrappreżenta l-istati membri) se jeżamina d-dettalji tal-ftehim mingħajr dewmien. Imbagħad wara li ssir l-analiżi, jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura li l-ftehim jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.