Il-pajjiżi għandhom jinvestigaw każijiet bikrin ta’ COVID-19 – WHO

FIR-RITRATT: Stampa ta’ logo barra bini tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) matul laqgħa eżekuttiva tal-Bord dwar aġġornament rigward it-tifqigħa tal-coronavirus, f’Ġinevra, l-Iżvizzera, 6 ta’ Frar 2020. REUTERS/Denis Balibouse

Read in English.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li rapport li l-COVID-19 kienet feġġet f’Diċembru fi Franza, jiġifieri aktar qabel minn dak li kien maħsub, “ma kinitx sorpriża”, u ħeġġet lil pajjiżi oħra biex jinvestigaw każijiet bikrin oħra suspettużi.

Il-marda, li wara ġiet identifikata bħala COVID-19, kienet irrappurtata għall-ewwel darba mill-awtoritajiet Ċiniżi lid-WHO fil-31 ta’ Diċembru 2019, u pre`edentement kien maħsub li din waslet fl-Ewropa f’Jannar ta’ din is-sena.

“Dan jitfa’ dawl ġdid fuq l-istampa kollha,” qal Christian Lindmeier, kelliem għad-WHO matul laqgħa ta’ informazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra, f’referenza għar-rapport Franċiż. 

“Ir-riżultati jgħinuna biex nifhmu aħjar iċ-ċirkolazzjoni potenzjali tal-virus tal-COVID-19,” żied jgħid, u qal li każijiet aktar bikrin setgħu jfeġġu wara l-ittestjar mill-ġdid ta’ ċerti kampjuni.

Sptar Franċiż li reġa’ ttestja mill-ġdid kampjuni preċedenti minn pazjenti b’polmonite, skopra li kienet ingħatat kura lil raġel li kellu l-COVID-19 fis-27 ta’ Diċembru, kważi xahar qabel il-gvern Franċiż ikkonferma l-ewwel każ fil-pajjiż.

Bħalissa m’hemm l-ebda suġġeriment li l-virus feġġ f’xi post ieħor apparti minn Wuhan fiċ-Ċina. Hu maħsub li l-każ fi Franza kien b’xi mod konness ma’ persuna li vvjaġġat minn hemm f’Diċembru, qabel mal-virus kien identifikat jew irrappurtat miċ-Ċina, qal il-kelliem għad-WHO.

Madankollu, il-pazjent Franċiż, bejjiegħ tal-ħut, mhux jidhirx li għandu konnessjonijiet diretti maċ-Ċina u ma jidhirx li kien ivjaġġa fiż-żmien qabel ma marad, għaldaqstant l-esperti qablu li l-każ Franċiż irid jiġi investigat aktar.

Lindmeier ħeġġeġ lil pajjiżi oħra biex jikkontrollaw dokumenti dwar każijiet ta’ polmonite li kellhom oriġini mhux speċifikata lejn it-tmiem tal-2019, għax dan jista’ jagħti “stampa ġdida u aktar ċara” dwar il-firxa tal-virus.

Meta kien mistoqsi dwar l-oriġini tal-virus fiċ-Ċina, Lindmeier enfasizza li kien “tassew, tassew importanti” li dan il-fatt jiġi eżaminat.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Mike Pompeo qal li l-pajjiż tiegħu għandu evidenza li l-coronavirus ġdid ħareġ minn laboratorju f’Wuhan, għalkemm xjentisti taw parir lid-WHO li dan il-virus kien oriġina mill-annimali.

“Dan jista’ jfisser li hemm bżonn aktar missjonijiet jew missjoni ta’ tfittxija (fiċ-Ċina), u aħna ħerqana li nkunu nistgħu nagħmlu dan,” qal Lindmeier.

L-espert ewlieni fl-emerġenzi tad-WHO, Dr Mike Ryan, nhar it-Tnejn qal li l-kap tal-aġenzija kien ippreżenta l-kwistjoni dwar l-oriġini tal-virus “fl-ogħla livell” matul missjoni tad-WHO li saret f’Jannar li għadda fiċ-Ċina.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn