Il-pajjiżi Ewropej iridu jdaħħlu miżuri biex inaqqsu d-differenza fil-pagi

Fid-dawl tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea biex itejbu t-trasparenza tal-paga bejn l-irġiel u n-nisa sabiex jippruvaw inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.
F’Malta, id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa hija l-inqas fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u tammonta għal 6.1% skont l-istatistika tal-Eurostat.
Bħala medja, id-differenza fis-siegħa bejn l-irġiel u n-nisa fl-Ewropa tammonta għal 16.4%, liema differenza ma nbidlitx matul dawn l-aħħar snin.
Il-Kummissjoni Ewropea sostniet li aktar trasparenza fil-paga tista' tikxef preferenzi u diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel.
Din tippermetti lill-impjegati, lil min iħaddem u l-imsieħba soċjali biex jieħdu azzjoni għal paga ugwali.
Il-Kummissjoni qed tirrikmanda li l-pajjiżi membri jtejbu trasparenza fil-paga permezz ta' miżuri fosthom li tippermetti lill-impjegati biex jitolbu tagħrif dwar il-paga.
Il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea iridu jirrapportaw lura lill-Kummissjoni dwar liema miżuri jkunu implimentaw sal-aħħar tal-2015.