Il-pagi żdiedu b’0.8% fi żmien sena – statistika

L-aħħar statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi kemm żdied id-dħul ta’ kuljum għall-kumpaniji mill-aħħar 3 xhur tal-2017 sal-aħħar 3 xhur tal-2018, u jidher li d-dħul żdied l-aktar fis-suq tal-propjetà. Barra minn dan, il-pagi żdiedu b’0.8%.

L-istatistika li ttieħdet fil-25 ta’ Frar ta’ din is-sena turi li t-tliet industriji li żdidilhom l-aktar id-dħul kienu dawn, f’din l-ordni: fis-suq tal-propjetà b’50.5%, l-attivitajiet tal-kummerċ tal-muturi b’7.1%, u l-industrija tat-trasportazzjoni u l-ħażna tal-oġġetti b’4.2%.

Mhux il-kumpaniji kollha sabu l-istess fortuna, peress li għal xi industriji, kien hemm tnaqqis fid-dħul. L-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi raw tnaqqis ta’ 10.1%, filwaqt li l-attivitajiet tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni raw tnaqqis ta’ 6.6%.

Ir-rata ta’ impjieg żdiedet b’1%, ir-rata ta’ paga gross u tas-salarju żdiedet b’0.8%, filwaqt li s-sigħat ta’ ħidma żdiedu b’1.5%.

Min-naħa l-oħra, meta kkumparati l-aħħar 3 xhur tal-2018 mat-3 xhur ta’ qabilhom, id-dħul mis-servizzi jidher li żdied b’1.3%. Żidiet ġew innutati fis-servizz tal-akkomodazzjoni u l-ikel b’7%, fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni bi 3.4%, segwiti mill-kummerċ tal-muturi bi 3.3%. Id-dħul naqas l-aktar fis-suq tal-propjetà bi 15.7%.

Fir-rigward ta’ impjieg, bejn Lulju, Awwissu u Settembru, u Ottubru, Novembru u Diċembru, l-impjieg żdied b’1.5%, il-paga gross u s-salarji żdiedu b’0.5% u s-sigħat ta’ ħidma żdiedu b’0.8%.