Il-pagamenti ta’ benefiċċji fil-kontijiet tal-BOV mhux affettwati – il-Gvern

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qal li l-pagamenti ta’ benefiċċji li għandhom isiru fis-16 ta’ Frar li normalment jidħlu f’kontijiet bankjarji tal-Bank of Valletta (BOV) se jsiru “normali bħas-soltu”.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dawn il-benefiċjarji għalhekk se jsibu dawn il-pagamenti fil-kontijiet rispettivi tagħhom fl-istess bank bħalma jiġri dejjem.

Id-Dipartiment irringrazzja lill-uffiċjali tal-BOV u tal-Bank Ċentrali għall-koperazzjoni tagħhom.

Ilbieraħ il-BOV issospenda temporanjament l-operat tiegħu inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat malinn estern fuq is-sistemi tal-bank.

Il-BOV dalgħodu ħabbar li numru ta’ servizzi reġgħu ġew lura għan-normal matul il-lejl li għadda. Dan ikkonfermawh fi stqarrija wara ttestjar tas-sistema tal-IT tal-bank li saret matul il-lejl li għadda li rriżultat fil-pożittiv. L-unika servizz li għadu mhux aċċessibbli bħalissa huwa s-servizz ta’ ħlasijiet lil terzi parti. Il-bank sostna li se jkun qed javża lill-pubbliku meta se jerġa’ jibda jiffunzjona dan is-servizz.