Aġġornata (3): Il-Gvern iħabbar iż-żieda fil-paga minima; mhux kulħadd jaqbel

Il-Gvern ħabbar li l-paga minima se tiżdied bi €8 fil-ġimgħa sal-2019, fi ftehim li mistenni jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin, mill-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-imsieħba soċjali.
Dan tħabbar mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli f'laqgħa mal-ġurnalisti, fil-preżenza taċ-Chairman tal-MCESD John Bencini u l-Ekonomista Gordon Cordina.
Il-Ministru Dalli spjegat li wara l-ewwel sena ta' impjieg bil-paga minima, ħaddiem se jirċievi żieda ta' €3 fil-ġimgħa u li fit-tieni sena jirċievi żieda ta' €3 oħra.  
Dan jammonta għal żieda ta’ €6 fsentejn. Dan se jiżdied għal €8 sal-2019 permezz ta' żieda ta' €1 fis-sena fuq il-COLA.
Il-ftehim huwa effettiv mill-1 ta' Jannar li għadda.
Sadanittant, il-Kampanja Paga Minima Diċenti (KPMD) qed issostni li mhix kuntenta biż-żieda mħabbra mill-Gvern.
Michael Grech, f'isem il-KPMD, saħaq li l-ammont propost hu żgћir wisq, u ma jippermettix li l-pagi l-iktar baxxi jsiru ġusti u diċenti. dwar dan, għalhekk, il-kampanja sejħet għal konferenza tal-aħbarijiet biex tindirizza s-sitwazzjoni nhar is-Sibt fil-11am fi Strada Stretta l-Belt.
Aktar kmieni ħsieb tewmi ħareġ mingħand il-Kap tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, li kkummentat fuq Facebook li ż-żieda tal-Gvern fil-paga minima mhix biżżejjed u lanqas hija skont ma talbu tal-KPMD.
Kompliet tgħid li l-vulnerabbli jeħtieġ jissaħħaħ aktar finanzjarjament, u b'żieda bħalma ħabbar il-Gvern ebda bank mhu se jislef lil dawn il-persuni meta jmur iħares lejn kemm jaqilgħu.
"Fuq il-paga minima kien hemm qbil mill-imsieħba soċjali u l-Gvern"
Il-Partit Laburista (PL) qal fi stqarrija li l-kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) ħsiebu biss biex jifred u jkun negattiv dwar ftehim li kien hemm qbil dwaru.
Il-PL saqsa jekk Busuttil kienx ikun kapaċi li jgħolli l-paga minima meta hu kien parti mill-PN meta fil-Gvern. 
Dan fid-dawl ta' dak li kien allega Busuttil, meta qal li Gvern Laburista jiffriża l-paga minima