​“Il-paga minima mhix se togħla għal kulħadd” – KPMD

Il-Kampanja Paga Minima Diċenti (KPMD) sostniet li l-paga minima mhix se togħla għal kulħadd, iżda se togħla biss għal dawk li se jkunu ilhom sena f’impjieg mal-istess sid.
Qalet li dan jista’ jwassal biex min iħaddem ikeċċi lill-impjegati tiegħu ftit qabel ma tagħlaq l-ewwel sena.
L-għaqda sostniet li l-ftehim maqbul bejn l-imsieħba soċjali u approvat mill-gvern ma jilħaqx l-aspetitivi mixtieqa għall-ħaddiema.
Filwaqt li qalet li tagħraf l-aspetti pożittivi, l-għaqda sostniet li l-proposta tagħha hija ta’ żieda ta’ 11% fuq medda ta’ tliet snin. Qalet li din iż-żieda diġà hija waħda konservattiva.
Esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li wara kważi erbgħin sena, kien hemm qbil biex il-paga minima togħla u faħħret l-inizjattiva li se twaqqaf Kummissjoni għal Pagi Baxxi.
Il-Kampanja Paga Minima Diċenti temmet tgħid li €8 fil-ġimgħa fuq medda ta’ sentejn mhumiex biżżejjed għaliex dawn huma ftit wisq.