Il-paga minima fil-Greċja mistennija tiżdied bi 11%

Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras ħabbar li mistennija tiżdied il-paga minima bi 11%. Din iż-żieda hija l-ewwel żieda wara l-kriżi ekonomika li seħħet għaxar snin ilu.

F’Awwissu li għadda l-Greċja ħarġu mit-tielet bailout internazzjonali mill-2010 u din is-sena se jkun hemm ukoll l-elezzjonijiet nazzjonali. Il-Gvern qal li se jkun qed ineħħi xi riformi li ma kienux daqshekk popolari man-nies. Tsipras qal li dan kollu jiddependi mill-kabinet biex japprovaw il-proposta li l-paga minima tiżdied minn €586 għal €650. Il-proposta mistennija tiġi approvata mill-parlament fil-jiem li ġejjin u għandha tidħol fis-seħħ ix-xahar ta’ wara. Il-Gvern, min iħaddem u l-unjins tal-ħaddiema qablu ma’ din iż-żieda.

Il-paga minima niżlet għal €586, fl-2012 wara li r-riċessjoni li kienet għaddejja madwar id-dinja. Matul din is-sena l-Greċja mistennija li jkollha 2.5% tkabbir ekonomiku u l-qagħad mistenni li jinżel għall-18.2%.