Il-paga medja se tiżdied b’0.5% – PL

Il-Partit Laburista qal li fl-ewwel tliet snin ta’ Gvern ġdid, il-paga medja mistenija tiżdied b’0.5% u dan meta fl-aħħar tliet snin tal-Gvern preċedenti, il-paga medja naqset ftit meta tikkunsidra ż-żieda li kien hemm fil-prezzijiet.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea xxejjen dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Intqal li Dr Simon Busuttil ilu għaddej żmien twil b’attakki fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol f’Malta u wara li ġie mgiddeb mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u anke minn diversi aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, issa se jiżloq ukoll fuq il-pagi.

"Il-ħaddiema qed iħossu għafsa fuq il-pagi tagħhom" – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista qed jipprova jmeri l-istatistika tal-Gvern stess għax il-paga medja tal-ħaddiema fl-ewwel sena tal-Gvern żdiedet b’€100.
L-istqarrija maħruġa mill-PN tqabbel dan maż-żieda ta’ €528 li ngħatat fil-ħames snin li għaddew.
Il-PN saħaq li l-Gvern “qed jagħti eżempju ħazin bil-ħaddiema tal-Enemalta.” Dan għax skont l-istqarrija, il-Gvern qed inaqqsilhom mid-dħul reali tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista semma wkoll il-ħaddiema f’diversi setturi li qed iħossu “għafsa fuq pagi tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ bejgħ.”
Fl-aħħarnett il-PN talab lill-Gvern jispjega ż-żieda qawwija fid-dejn u l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema fl-ewwel sena mit-tmexxija.