Il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità il-motiv tar-Randan għall-Knisja fl-Afrika

Kattoliċi fl-Afrika jitolbu għal era ġdida fil-kontinent.

Għal żmien ir-Randan, il-Knisja fid-diversi pajjiżi tal-kontinent Afrikan qed tittama Ii tibda era ġdida għal dan il-kontinent li hu nifni bit-tbatija u l-ħażen.

It-teologu missjunarju, Donald Zagore tas-Soċjetà tal-Missjonijiet Afrikani, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES li f’diversi kuntesti soċjo-politiċi tal-kontinent kbir Afrikan “ir-Randan hu żmien ta’ grazzja, żmien li fih l-Isqfijiet fid-diversi pajjiżi qed iħeġġu lill-insara biex jgħixu tiġdid veru u jikkonvertu f’qalbhom biex dawn jgħinu fit-tiġdid soċjali, ekonomiku u azzjoni politika, paċi, sigurtà u stabilità, fil-kontinent Afrikan.”

Il-komunità Kattolika ta’ kull pajjiż fl-Afrika se twieġeb b’mod differenti skont il-problemi u l-kwestjonijiet li qed tiffaċċja.

Fil-Kenja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hi fiċ-ċentru tal-isfidi li jridu jkunu ffaċċjati f’dawn iż-żminijiet. Fin-Niġerja, l-insara se jilbsu l-iswed biex juru s-solidarjetà tagħhom mal-insara tal-pajjiż li huma vittmi tal-vjolenza.

Fir-reġjun ta’ Burkina Faso, il-Mali u n-Niger it-tama tal-Qawmien trid toħroġ lin-nies mill-klima ta’ tensjoni li hi frott tal-ħażen li hemm u li qed iġib il-firda f’dawn il-pajjiżi.

Min-naħa l-oħra, il-Kosta tal-Avorju, Togo u l-Guinea se jesperjenzaw dan il-perjodu ta’ konverżjoni bit-tama tal-paċi u x-xewqa li f’dawn il-pajjiżi jkun hemm elezzjonijiet paċifiċi li jġibu stabilità.

It-teologu Zagore qal li l-impenn u t-tama ta’ futur aħjar huma imperattiv fundamentali għall-kontinet Afrikan. Fir-Randan dawn il-popli se jitolbu lill-Prinċep tal-Paċi għal konverżjoni, rikonċiljazzjoni u ġustizzja li huma prinċipji bażiċi għal kull nisrani fl-Afrika.