Il-paċi hi vjaġġ ta’ tama, djalogu, rikonċiljazzjoni u konverżjni ekoloġika

Il-Papa Franġisku jixgħel id-dawl tal-paċi fuq il-Mafkar tal-Paċi f’Hiroshima, il-Ġappun. (Vatican Media)

Għal darb’oħra “It-Tama” hi l-qofol tal-messaġġ li l-Papa Franġisku ħareġ fil-Jum Dinji tal-Paċi għal din is-sena. Il-messaġġ jiftaħ b’din id-dikjarazzjoni “Il-Paċi hi valur kbir u prezzjuż, fiha npoġġu t-tama tagħna u l-aspirazzjoni tal-familja umana kollha”.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa kiteb li “it-Tama hi l-virtù li tispirana u żżommna fil-mixja tagħna ‘l quddiem, anke meta d-diffikultajiet jidħru kbar u ma jistgħux jingħelbu”.

Il-Papa Franġisku rrikonoxxa l-effett terribbli li jħallu fuq il-ġisem u r-ruħ tal-umanità il-kunflitti interni u internzzjonali li spiss huma akkumpanjati minn vjolenza bla rażan. “In-nuqqas ta’ fiduċja u l-biża’ idgħajjfu r-relazzjonijiet u jżidu r-riskju tal-vjolena u toħloq ċirku vizzjuż li ma jista’ jwassal qatt għall-paċi”.

Rikonċiljazzjoni

Min-naħa l-oħra, kiteb il-Papa fil-messaġġ tiegħu, “il-paċi toħroġ mill-fond tal-qalb umana u r-rieda politika trid tkun imġedda kontinwament biex jinstabu modi ta’ rikonċiljazzjoni u jgħaqqdu mill-ġdid lill-individwi u l-komuniajiet”. Il-vjaġġ tar-rikonċiljazzjoni jitlob paċenzja u fiduċja. “Il-paċi mhux se tinkiseb jekk ma nixtiequhiex”.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li “id-dinja ma tridx parole fil-vojt, imma trid xhieda konvinċenti, nies li jfittxu l-paċi li lesti jiddjalogaw u jirrifjutaw l-esklużjoni u l-manipulazzjoni”. Il-paċi hi process li jinħtieġ impenn kontinwu. “Hi sforz paċenzjuż biex jinstabu l-verità u l-ġustizzja, nonoraw il-memorja tal-vittmi u bil-mod il-mod niftħu t-triq għal tama qawwija flok ix-xewqa għall-vendetta”.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu għal Jum il-Paċi, il-Papa Franġisku rrifera għas-Sinodu dwar ir-Reġjun tal-Amazonia u qal li “quddiem il-konsegwenzi tal-ġlied ta’ bejnietna, in-nuqqas ta’ rispett lejn id-dar komuni tagħna u quddiem l-esplojtazzjoni abbużiva tar-riżorsi naturali, għandna bżonn ta’ konverżjoni ekoloġika, konverżjoni li twassalna biex inħarsu b’mod ġdid lejn il-ħajja”.

Il-Papa kkonkluda l-messaġġ billi ġedded is-sejħa “għal relazzjoni paċifika bejn il-komunitajiet u l-art, bejn il-preżent u l-passat, bejn l-esperjenza u t-tama”.