Intemmet l-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament li qed jistħarreġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta.
Matul l-ewwel laqgħa uffiċjali tal-Kumitat dwar ir-rapport deher l-Awditur Ġenerali Anthony Mifsud li ddeskriva l-prattiċi għax-xiri taż-żejt li kienu jsiru mill-Enemalta bejn l-2008 u l-2010.
Huwa saħaq li kien hemm nuqqasijiet u l-minuti tal-Kumitat responsabbli mix-xiri taż-żejt kienu jinkitbu bl-idejn u ma kienux jinkitbu l-ismijiet tal-membri li kienu jattendu għal dawn il-laqgħat.
L-Awditur Ġenerali qal li l-Uffiċċju ma sabx dettalji biżżejjed dwar il-mod kif kienu jintgħażlu l-offerti u kif kienu qed jingħataw il-kuntratti.
Qal li l-Enemalta ma kinitx iżżomm telefonati rrekodjati waqt in-negozjati għax-xiri taż-żejt.
Il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi waqfet għal xi ħin minħabba nuqqas ta’ qbil bejn ir-rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-Kamra.
Dan meta Beppe Fenech Adami staqsa dwar l-ismijiet u l-kwalifiki tal-uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li ħadmu fuq dan ir-rapport.
Ir-rappreżentanti tal-Gvern, b’mod speċjali Owen Bonnici, oġġenzjonaw u sostnew li mhux fl-interess tal-Kumitat li jpoġġu lil dawn l-uffiċjali taħt investigazzjoni.
Fenech Adami baqa’ jinsisti li l-Poplu għandu dritt ikun jaf din l-informazzjoni.
L-Awditur Ġenerali qal li dan is-suġġett huwa wieħed tekniku ħafna u l-uffiċjali talbu l-għajnuna tal-eks Chairman tal-Enemalta, l-Professur Robert Ghirlando.
Fenech Adami staqsa jekk dan hux kunflitt ta’ interess, bl-Awditur Ġenerali jsostni li jemmen fl-integrita’ tal-Professur Ghirlando u talbet l-għajnuna għaliex l-NAO kien diġa’ talab l-għajnuna tiegħu fl-investigazzjoni fuq il-BWSC.
Beppe Fenech Adami staqsa għaliex l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali meta sar jaf li ma kienx hemm il-minuti miktubin ma staqsiex lill-persuni responsabbli.
L-Awditur qal li dan kien tfassil ta’ rapport u mhux investigazzjoni.
Fenech Adami hawnhekk qal li b’dan il-mod, il-konkluzjonijiet tar-rapport qed jimplika lil numru ta’ persuni u għalhekk dawn kellhom jiġu intervistati.
L-Uffiċjali tal-NAO qalu li l-eks Ministru Austin Gatt ma ġiex intervistat għalkemm ir-rapport jikkonkludi li allegatament kien hemm indħil ministerjali.
L-intervisti mill-uffiċjali tal-NAO saru fil-Marsa u Birżebbuġa.
Il-Korporazzjoni Enemalta ingħatat kopja tar-rapport u f’kull stadju kellha l-opportunita’ li tikkjarifika.
Kienu jintbagħtu wkoll il-minuti tal-laqgħat tal-NAO u l-Enemalta kienet tibgħat lura il-konklużjonijiet.
L-uffiċjali qalu li huma sodisfatti bl-għajnuna li sabu mill-Enemalta u jixtiequ li l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jżomm quddiem għajnejh li dan kien rapport kif jista jkun hemm l-aħjar prattiċi għax-xiri taż-żejt u mhux investigazzjoni fuq xi persuni.
Beppe Fenech Adami qal li dan ir-rapport fetaħ il-kaxxa ta’ Pandora u kien hemm sezzjoni tal-midja li immanipolat dan ir-rapport biex xi persuni jispiċċaw f’dawl ikrah fosthom Austin Gatt.
Qal li mhux minnu kif qed jgħid il-Gvern li kien hemm xi indħil min-naħa tal-eks Ministru.
L-Awditur Ġenerali qal li kieku l-Uffiċċju sab xi ksur tal-liġi kien jgħaddi din l-informazzjoni lill-Pulizija.
Dwar l-allegat indħil minn Austin Gatt intqal li dan kien wieħed akkademiku.