Il-PA tippubblika pjan ta’ riġenerazzjoni għal-lukanda tal-Jerma

L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat proposta għall-Iżvilupp tas-sit fejn qabel kienet topera l-lukanda Jerma Palace u l-ambjent ta’ madwarha f’Wied il-Għajn. Fi stqarrija kien spjegat kif id-dokument li qed jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika qed jipprovdi qafas għal kwalunkwe żvilupp fiż-żona fil-futur.

Il-PA spjegat kif issa l-iżvilupp massimu ppropost huwa ta’ 65,000 metru kwadru. Dan wara li l-Awtorità semgħaet opinjonijiet li waslu għandha fil-fażi tal-bidu tal-konsultazzjoni pubblika. Qabel, l-iżvilupp seta’ jsir fuq massimu ta’ 100,000 metru kwadru.

L-Assistant Direttur għall-Formulazzjoni tal-Politika tal-PA, il-Perit Joseph Scalpelli qal li l-pjan li qed ikun propost issa qed ifittex soluzzjoni komprensiva għall-ippjanar f’żona kostali urbana li għandha bżonn kbir li tkun riġenerata. Qal li minkejja li Wied il-Għajn esperjenza tkabbir konsiderevoli fil-popolazzjoni fl-aħħar żmien, in-nuqqas ta’ lukanda fi-żona wasslet biex din il-parti tal-gżira ma titħalliex tibbenefika mis-settur tat-turiżmu.

Iż-żona tqassmet f’erba żoni distinti. Żona A tkompri s-sit fejn kienet inbiet il-lukanda tal-Jerma fil-bidu tat-tmeninijiet u tagħmel 33% tas-sit sħiħ. F’din iż-żona, l-użu se jkun imħallat bi 33,000 metru kwadru biex jintuża għat-turiżmu, 26,000 kilometru kwadru għall-użu residenzjali, 4,200 metru kwadri għal bars u ristoranti u 1,800 metru kwadru għal ħwienet tar-retail.

Il-pjan jgħid kif il-bini għandu jara l-ħolqien ta’ blokok li jinbnew fuq podium u li jduru ma’ pjazza fiċ-ċentru u mħalltin ma’ spazji miftuħa għall-pubbliku. L-aċċess għaż-żona mill-pubbliku għandu jkun possibbli minn madwar is-sit kollu. Il-binja li tista’ tiġi kkunsidrata ma tistax taqbeż it-32 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar. Il-pjan jinkoraġġixxi l-użu ta’ Green Infrastructure fid-disinn ħolistiku tal-proġett għas-sostenibbiltà tal-ambjent.

Iż-żona B li tammonta għal 35% tal-proġett għandha tibqa’ fl-istat naturali tagħha mingħajr ma jsir l-ebda tip ta’ żvilupp u mingħajr ma l-pubbliku jitwaqqaf milli jagħmel użu miż-żona li jifdal fuq barra tagħha. Iż-żona Ċ li tammonta għal 26% tal-art hija ż-żona fejn hemm it-Torri ta’ San Tumas. Il-pjan jitlob li dan ikun restawrat biex ikun jista’ jintuża mill-pubbliku. Intant, Żona D tkopri t-toroq pubbliċi li jassiguraw aċċess għall-propjetà privata barra miż-żona tal-pjan.

Il-pjan sħiħ jista’ jkun aċċessat minn hawn. Dawk kollha li jixtiequ jgħaddu l-opinjoni tagħhom jistgħu jagħmlu dan sad-29 ta’ Lulju tal-2020 billi jibgħatu e-mail fuq smlp_consultation@pa.org.mt.

Ftit tal-jiem ilu, grupp ta’ seba’ għaqdiet fetħu kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) wara li din naqset milli tirtira d-Development Brief għas-sit tal-Jerma.

Is-seba’ għaqdiet kienu ippreżentaw protest ġudizzjarju lill-PA f’Mejju li għadda talli implimentat proċedura ta’ konsultazzjoni mtappna bl-irregolaritajiet għas-sit li qabel kien okkupat mill-Jerma Palace Hotel f’Wied il-Għajn. Permezz tal-protest ġudizzjarju l-għaqdiet kienu avżaw li se jipproċedu b’azzjoni legali jekk dan ma jiġix irtirat fi żmien 10 ijiem. L-għaqdiet jgħidu li ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jiftħu kawża l-Qorti kontra l-Awtorità.