​Il-PA tinvesti fit-teknoloġija “għal infurzar aħjar”

L-Awtorità tal-Ippjanar investiet f’għodod teknoloġiċi ġodda biex jgħinu biex ix-xogħol tal-infurzar ikun aħjar.
Fi stqarrija, il-PA qalet li d-Direttorat għall-Konformità u l-Infurzar tagħha xtara tagħmir tal-komunikazzjoni, live on-site information devices, u drone. Id-drone se tkun qed tintuża’ biex tinġabar baseline data u biex il-PA jkollha aċċess għal żoni remoti.
Il-PA spjegat li l-informazzjoni li se tkun qed tinġabar se tintuża għat-3D imaging fost affarijiet oħra.
Il-PA qalet li fl-2017 wettqet 49 azzjoni diretta. Qalet li 22 minnhom saru f’żoni ġewwa ż-żona tal-iżvilupp filwaqt li 27 saru f’art ODZ. Żiedet tgħid li dawn l-azzjonijiet swew aktar minn €110,000, però l-ispiża se tiġi rkuprata mingħand min wettaq il-kontravenzjoni.
Fl-istess stqarrija, il-PA qalet li ħarġet 315 avviż dwar l-infurzar fl-2017. Minn dawn, 123 kienu f’art ODZ.
Ritratt: J. Schembri