Il-PA tgħid li m’hemmx raddi tal-blat f’sit tal-iżvilupp fil-Kalkara

Moviment Graffitti

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li m’hemmx raddi tal-blat (cart ruts) f’sit li qed jiġi żviluppat fil-Kalkara.

Fi stqarrija l-PA qalet li s-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) ma sabet ebda evidenza ta’ curt ruts.

Ilbieraħ l-għaqda Moviment Graffitti fuq Facebook qalet li sabiex isir dan l-iżvilupp, inqered razzett fi Frar li għadda, illegalment. Apparti dan, qalet l-NGO, is-sit huwa ta’ valur arkeoloġiku minħabba li hemm r-raddi fil-blat (cart ruts), u siġra tal-ħarrub antika se titqaċċat biex isir l-iżvilupp [PA/03758/19].

Waqt il-laqgħa, ir-rappreżentanta tal-Moviment Graffitti Karen Tanti appellat lill-Kummissjoni tal-Ippjanar biex issalva dan il-post ta’ valur storiku u naturali, iżda skont l-NGO, il-Kummissjoni tfitilha l-mikrofonu sabiex ma tkunx tista’ tagħmel l-appell tagħha.

L-Awtorità ċaħdet kategorikament li l-mikrofonu tar-rappreżentatnta tal-Moviment Graffitti ntefa waqt li kienet qed titkellem. Il-PA qalet li hi ngħatat il-ħin kollu l-kellha bżonn biex tagħmel il-punti tagħha dwar il-każ.

Il-PA qalet ukoll li l-Kummissjoni tal-Ippjanar ibbażat id-deċiżjoni tagħha biex tagħti l-permess għall-iżvilupp ta’ erba’ maisonettes u 14-il appartament fuq sit fiż-żona tal-iżvilupp tal-Kalkara fuq il-premessa li l-proġett kien konformi mal-policies tal-ippjanar u li ebda fdalijiet arkeoloġiċi ma jinstabu fuq is-sit.

Il-PA qalet li l-Kummissjoni kkunsidrat it-tħassib li qajmu diversi nies dwar il-proġett. Qalet li meta tqajjem tħassib dwar il-cart ruts f’Jannar hi ssospendiet l-applikazzjoni u ordnat investigazzjoni arkeoloġika.

Misinformazzjoni mill-PA- Moviment Graffitti

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-PA, il-Moviment Graffitti qal li s-sit huwa sit skedat għall-valur arkeoloġiku tiegħu. Qal li dan ġie kkonfermat mis-Soċjetà Arkeoloġika ta’ Malta.

Il-Moviment Graffitti baqa’ jinsisti li l-mikrofonu ta’ waħda mill-attivisti tiegħu ntefa għal t’apposta. Dan wara li ċ-Chairperson Simon Saliba allegatament qies li l-intervent tagħha kien barra mill-punt “sempliċiment peress li kienet qed tiġbed l-attenzjoni għal każijiet oħra fejn il-cart ruts ma ngħatawx il-protezzjoni mistħoqqa mid-deċiżjonijiet tal-PA.”

❗ADDING INSULT TO INJURY❗The PA has just released a statement (https://bit.ly/2YZxe8z) denying that cart ruts are…

Posted by Moviment Graffitti on Saturday, July 4, 2020

L-għaqda akkużat lill-PA li ostokolat id-dritt għas-smigħ xieraq. Qalet li l-PA għandha tieqaf milli xxerred il-misinformazzjoni u tieqaf mill-attitudni tal-ibbuljar tagħha.