​Il-PA teqred l-aħħar pulmun aħdar f’Ħal Luqa – FAA

Skont l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) hija responsabbli għal-qerda tal-aħħar pulmun aħdar f’Ħal Luqa.
Fi stqarrija, l-FAA qalet li l-PA qed tapprova numru ta’ applikazzjonijiet biex jinbnew mijiet ta’ appartamenti fl-aħħar biċċa spazju miftuħ ħdejn iċ-ċentru tar-raħal.
L-għaqda spjegat li dan l-iżvilupp beda fl-2016 permezz ta’ proposta li kienet se tinqasam f’ħames applikazzjonijiet separati. Skont l-FAA, dan sar biex jiġi evitat studju fuq l-impatt ambjentali u biex l-iżviluppatur ma jkollux għalfejn jinkludi spazju miftuħ fiż-żona. L-FAA qalet li tlieta mill-ħames applikazzjonijiet kienu ġew irtirati.
L-għaqda qalet li kienet avżat li x’aktarx, l-iżviluppaturi kienu se japplikaw għaż-żoni l-oħra fil-futur. Fl-istqarrija tagħha, l-FAA qalet li dan kollu waqa’ fuq widnejn torox peress li żewġ applikazzjonijiet oħra ġew approvati mingħajr kundizzjonijiet.
Skont l-għaqda issa ġew approvati aktar proposti ta’ żvilupp bil-konsegwenza li mhux se jifdal spazju miftuħ. Qalet li dan inaqqas mill-kwalità tal-ħajja tar-residenti.