Aġġornata: Il-PD jqis id-deċiżjoni tal-PA dwar it-torri f’Paceville bħala waħda “tossika”

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat torri ta’ 32 sular bħala parti mill-proġett ta’ Mercury House f’Paceville.
It-tibdiliet, li jinkludu bini ta’ kważi d-doppju ta’ dak li ġie approvat sitt snin ilu, ġew approvati b’10 voti kontra 3. Ivvutaw kontra ċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar, rappreżentanta tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Annick Bonello u s-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli.
Il-proġett jinkludi 48 kamra ta’ lukanda, 275 appartament, madwar 3,300 metru kwadru ta’ ħwienet, alterazzjonijiet għal erba’ sulari ta’ parkeġġ taħt l-art, u r-restawr ta’ Mercury House li hi binja mill-aħħar tas-Seklu 19.
Se jkun hemm aċċess għall-Cold War Vaults li jinsabu taħt l-art, iżda għad mhux magħruf x’se jkun l-użu tagħhom.
Waqt is-smigħ tal-każ, diversi membri tal-bord semmew kif l-applikazzjoni ġiet approvata, minkejja li għad m’hemmx il-masterplan għal Paceville. 
“Deċiżjoni tossika” – PD
Il-Partit Demokratiku rreaġixxa għal din id-deċiżjoni, li ddeskriviha bħala deċiżjoni tossika.
Fakkar li hemm Private Member’s Bill sabiex jiġi diskuss dan il-masterplan, u kemm il-PL kif ukoll il-PN qatt ma indirizzawh waqt il-House Business Committee, allura ma jistax jiġi inkluż fl-aġenda parlamentari.
Il-Partit tal-Oranġjo staqsa min jaf għala t-tnejn li huma m’għamlu xejn.
Żied ukoll jgħid li dal-masterplan ġie abbandunat mill-Gvern, u li l-assessjar dwar l-impatt soċjali u ambjentali f’Paceville qatt ma ġie kkummissjonat.
Għalhekk il-PD staqsa dawn il-mistoqsijiet:

  • L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qiegħda hemm biss biex tiffirma għall-iżvilupp tan-negozji l-kbar?
  • Il-PA tifhem xi tfisser il-kelma “ippjnar”?
  • Jekk tifhem, mela għala approvat dal-bini meta lanqas il-masterplan għadu ma tfassal?
  • Il-PA temmen li dal-proġett jaqbel mal-inħawi tal-madwar?
  • Min se jħallas għat-tkabbir fl-infrastruttura u s-servizzi għal din l-espansjoni, il-pubbliku?
  • Il-PA taċċerta li l-Membri tal-Protezzjoni Ċivili għandhom l-għodda neċessarji biex jikkumbattu nirien li jinqalgħu f’dan l-għoli?
  • Se jkun hemm xi appartamenti minn dawn li se jingħataw għall-akkomodazzjoni soċjali?