Il-PA tapprova s-6 sular għall-binja tal-avukat ta’ Joseph Muscat

Read in English.

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ħareġ permess sabiex Pawlu Lia, l-avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, itella’ s-sitt sular mal-binja tal-uffiċċju tiegħu fil-Belt Valletta.

Dan is-sitt sular għandu jkun magħmul minn board room ta’ 40 metru kwadru. Il-binja tas-seklu 18 tinsab f’rokna bejn Triq it-Teatru l-Antik u Triq l-Ifran.

Stqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar tispjega li ż-żona hija karatterizzat minn bini kummerċjali simili, b’għoli li jvarja bejn tliet u sitt sulari. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar indika l-intenzjoni tiegħu li japprova sular ieħor, is-sitt wieħed, għall-binja li tospita l-uffiċċju tal-Avukat Pawlu Lia. Dan minkejja r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Ippjanar biex il-permess ma jingħatax.

Il-Bord biddel ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tal-Iżvilupp wara li ġew preżentati ritratti li wrew li l-board room tidher biss min-naħa ta’ fuq ta’ Triq l-Ifran. Li kieku l-board room kienet tidher minn żewġ toroq, qal il-Bord, dan kien ikollu effett negattiv fuq il-Belt Valletta.

Il-binja diġà kellha permess għal żewġ sulari addizzjonali. L-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà approvat li l-binja tinbidel minn residenza għal uffiċċju. L-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata, imma mbagħad ir-rifjut ġie revokat f’Diċembru tal-2018.

Is-Sovritendenza għall-Wirt Kulturali kienet oġġezzjonat għal din l-estensjoni. Fl-istess waqt, il-Kumitat tal-Pariri fuq Disinn ma oġġezzjonax, imma qal ukoll li l-binja tmur kontra l-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għadd ta’ NGOs kienu oġġezzjonaw ukoll għaliex qalu li kieku jinħareġ dan il-permess, issir ħsara irreparabbli lill-Belt Valletta u l-karattru tagħha.

Għalhekk, id-Direttorat kien irrakkomanda li l-applikazzjoni tiġi rifjutata. Iżda din id-deċiżjoni nbidlet mill-Bord tal-PA għaliex seba’ membri indikaw li se jivvutaw favur, fosthom iċ-Chairman tal-PA Vince Cassar u ċ-Chairman tal-ERA, Victor Axiak, li wera l-fehma li ż-żona hija diġà mittiefsa u għalhekk għandu l-intenzjoni li jivvota favur l-applikazzjoni.