Il-Moviment Graffitti jappella l-approvazzjoni tal-PA għal pompa tal-petrol f’ODZ f’Burmarrad

Read in English.

Il-Moviment Graffitti ppreżenta appell lit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat pompa tal-petrol f’art ODZ f’Burmarrad.

Il-Moviment Graffitti qal li din id-deċiżjoni li ttieħdet f’April kienet “atroċi”. B’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-PA ħareġ permess biex pompa ta’ madwar 2m² tkun “rilokata” fuq medda ta’ art agrikola ta’ 3,700m². Il-Moviment Graffitti qal li apparti l-pompa tal-petrol, dan l-iżvilupp se jinkludi wkoll diversi ħwienet u servizzi kummerċjali.

Konsultazzjoni pompi tal-petrol: Ċans li l-PA tikkunsidra art ODZ

Il-Moviment Graffitti appella din id-deċiżjoni fuq il-bażi “li l-Bord tal-PA reġa’ għal darb’oħra wera li ma jimpurtah xejn mill-policies li jirregolaw l-iżvilupp f’Malta. Bħallikieku ma kienx diġà ħażin li l-Fuel Service Station Policy tal-2015 tħares prinċipalment l-interessi tal-iżviluppaturi minflok l-ambjent, il-Bord tal-PA għażel li jinjora sfaċċatament anki l-ftit miżuri insuffiċjenti li jissalvagwardjaw l-ambjent li hemm f’din il-Policy.”

Fi stqarrija, l-NGO komplet tgħid li l-Fuel Service Station Policy tispeċifika b’mod ċar li l-pompi tal-petrol ma jistgħux jiġu rilokati fuq “art agrikola tajba”. Dan is-sit ODZ f’Burmarrad ġie ċċertifikat mill-konsulenti esperti u l-awtoritajiet konċernati kollha bħala “art agrikola tajba” u bħalissa qed jiġi użat għal skopijiet agrikoli. Barra minn hekk, il-Policy tesiġi li pompi tal-petrol ODZ ma jistgħux ikunu ikbar minn 3,000m². Id-daqs tal-pompa li ġiet approvata huwa ta’ 3,700m².

Irtirati l-applikazzjonijiet għal 2 pompi tal-petrol f’ODZ

L-appell jinkludi wkoll numru ta’ raġunijiet oħra marbutin mad-dokumentazzjoni mhux sħiħa li l-pubbliku kellu aċċess għaliha kemm qabel u waqt is-seduta, mal-fatt li l-Bord tal-PA ma tax raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu kif ukoll injora policies bħar-Rural Policy, l–iStrategic Plan for Environment and Development (SPED) u l-Agricultural Policy.

L-NGO qalet li din id-deċiżjoni tal-Bord tal-PA hija eżempju perfett ta’ kif il-proċess tal-ippjanar f’Malta qiegħed sistematikament iwassal għall-qerda ta’ Malta biex tiġi sodisfatta r-regħba tal-ftit.