Il-PA tapprova l-moll kontroversjali tal-Balluta

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni tal-Fortina għall-moll privat fil-Bajja tal-Balluta, proġett li sab reżistenza minn għadd ta’ NGOs u mill-Kunsill ta’ San Ġiljan.

Il-proġett li ġie approvat dalgħodu jinkludi l-bini ta’ moll privat li se jkun qed jospita servizz ta’ hop-on-hop-off fil-baħar immexxi mis-sidien tal-lukanda Fortina.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dan il-moll se jkun bejn iż-żewġ pitches tal-waterpolo fix-xatt ta’ San Ġiljan. Il-PA qalet li l-permess tal-iżvilupp huwa suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet fosthom il-bżonn ta’ permess biex jopera mingħand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li jkun disponibbli għal terzi persuni jekk tapprova Transport Malta. Fissret li se jkun hemm ukoll programm ta’ moniteraġġ ambjentali għal ħames snin biex jiġi assigurat li ma ssirx ħsara lill-ambjent marittimu.

Ritratt: PA

F’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-PA, il-Moviment Graffitti qal li l-laqgħa tal-PA ta’ dalgħodu kienet “surreali”.

“It-tliet membri tal-Kummissjoni tal-Ippjanar iddefendew l-applikazzjoni tal-Fortina b’mod attiv bħalikieku kienet tagħhom. Il-mistoqsijiet mill-pubbliku dwar għalfejn kienu sfaċċatament qed jinjoraw policies li speċifikament jipprojbixxu postijiet ta’ ferry landing f’postijiet tal-għawm twieġbu b’silenzju mill-membri tal-Kummissjoni tal-PA,” qal il-Moviment Graffitti.

BREAKING: The Planning Commission has just given the green light to Fortina’s private catamaran service in Balluta Bay,…

Posted by Moviment Graffitti on Monday, March 2, 2020

Is-Sibt li għadda, is-Sindku ta’ San Ġiljan qal li qed iqum suspett li hemm negozjar minn wara l-kwinti b’rabta mal-iżvilupp propost li jsir fil-bajja tal-Balluta. Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg (PN) staqsa għalfejn l-applikazzjoni mhux qed tiġi rifjutata peress li tmur kontra l-planning policy. Staqsa wkoll għalfejn kien hemm id-dewmien fid-deċiżjoni tal-PA. Qal li dan iqajjem tħassib li qed isir xi negozjar minn wara l-kwinti mill-iżviluppaturi sinjuri.

Il-kumpanija Fortina Investments ikkundannat dak li qal is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg meta dan qal li hemm suspett li hemm negozjati għaddejjin minn wara l-kwinti fl-iżvilupp tal-Balluta. Il-kumpanija sejħet din l-allegazzjoni gidba.

Fi stqarrija, Fortina qalet li jaf tieħu passi kontra l-kummenti “defamatorji” li saru fil-konfront tagħha. Sejħulha inaċċettabbli li jiġu akkużati b’korruzzjoni.