Il-PA tapprova 4 blokok residenzjali f’San Vinċenz

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) illum approvat il-bini ta’ erba’ blokok residenzjali ġodda għar-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paule fil-limiti ta’ Ħal Luqa.

Fi stqarrija, il-PA spjegat li tat dan il-permess hekk kif hemm bżonn kbir li d-dar residenzjali jkollha katar spazju għad-domanda li hawn fil-pajjiż. L-erba’ blokok bejniethom se jakkomodaw 490 anzjan u se jinbnew fuq medda ta’ 16,500 metru kwadru.

Skont il-PA, il-proġett se jinkludi wkoll sular taħt l-art fejn se jkun hemm imħażen, kmamar tal-ħasil, kmamar tal-magni, żona fejn jinżamm l-iskart, pixxini għat-terapija, sala u reservoir. Se jkun hemm ukoll parkeġġ għall-karozzi li se jkun jesa’ 264 karozza. Kull blokka residenzjali se jkollha kamra tas-salott u tal-ikel, kamra oħra għall-attivitajiet, kamar għat-trattamenti u faċilitajiet għall-istaff. Se tinbena wkoll kappella.

Aqra: Estensjoni San Vinċenz: Il-Gvern jgħid li mhux direct order; il-PN jara kontradizzjoni

X’inhi l-istorja wara dan l-iżvilupp li għadu kemm ġie approvat?

Għall-aħħar xhur, kien hawn bosta battibekki għaddejin bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni hekk kif beda jingħad li l-iżvilupp kien ingħata permezz ta’ direct order. Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva kien ċaħad kategorikament li kien hemm xi direct order ta’ €274 miljun fuq proġett ta’ estensjoni ta’ 500 sodda ġdida fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul.

Aqra: “Mhux eskluż li l-PAC jiddiskuti d-direct order f’San Vinċenz”

L-Oppożizzjoni kienet saħansitra talbet lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt għat-tmexxija tal-estensjoni ta’ San Vinċenz, permezz tat-tliet membri fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami, Kristy Debono u Claudio Grech. Fl-istess waqt il-Partit Demokratiku irreġistra kwerela formali biex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-istess każ.

Aqra: Il-PN jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-estensjoni f’San Vinċenz