Il-PA tappella minn deċiżjonijiet li t-Tribunal ħa fl-aħħar jiem

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li se tkun qed tappella minn 4 deċiżjonijiet li ħa t-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) fl-aħħar jumejn, fosthom dwar il-Jerma, Ħondoq ir-Rummien u l-imħażen ta’ Marco Gaffarena.
Ma’ dawn hemm id-deċiżjoni meħuda kontra s-sidien ta’ dik li kienet il-Holiday Complex tal-Mistra fix-Xemxija.
Il-PA rreferiet għad-deċiżjonijiet li kienet ħadet fl-2016 dwar il-Mistra u l-Jerma, meta kienet innutat li s-siti inkwistjoni kienu tħallew jintelqu u bdew idejqu lin-nies.
Ilbiraħtlula t-tribunal iddeċieda li għalissa l-Jerma f’Wied il-Għajn se tibqa’ kif inhi, u mhux se titwaqqgħa, sakemm is-sidien jiddeċiedu li jiżviluppaw is-sit.
Fl-2016 ukoll il-PA qalet li kienet ivvutat b’mod unanimu kontra l-permess biex isir port, b’lukanda u marina tal-jottijiet f’villaġġ turistiku f’Ħondoq ir-Rummien, minħabba l-valur ekoloġiku tas-sit.
Jumejn ilu wkoll, it-tribunal reġa’ fetaħ beraħ l-applikazzjoni tal-Ħondoq, liema saga ilha għaddejja 16-il sena.
Dwar l-imħażen tan-negozjant Gaffarena fuq art ODZ f’Ħal Kirkop, il-PA qalet li kienet diġà rrifjutat il-permess.
Ilbieraħ it-tribunal qal li dal-permess irid jerġa’ jiġi assessjat, allura reġa’ nfetaħ iċ-ċans lil Gaffarena biex jiżviluppa.