Il-PA mhux tippubblika xi applikazzjonijiet – PD

PA

Read in English.

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed tippubblika xi applikazzjonijiet peress li xi żviluppaturi qed jużaw tattika biex jimblukkaw l-iskrutinju pubbliku meta jkunu qed idaħħlu l-applikazzjoni tagħhom.

Fi stqarrija, il-PD qal li minn Mejju żviluppaturi bdew jimblukkaw l-iskrutinju pubbliku tal-applikazzjonijiet tagħhom mal-PA billi qed iħallu barra ċertu dettalji mis-sottomissjonijiet tagħhom.

“B’riżultat ta’ hekk, il-PA mhux qed tippubblika l-applikazzjonijiet fuq is-sit elettroniku u l-pubbliku u l-ġurnalisti mhux qed ikollhom aċċess ghalihom. Din il-manuvra qarrieqa qed tintuża biex timblokka aċċess għal informazzjoni dwar proġetti kbar bħal tat-torri l-ġdid f’Tigné u r-razzett tal-ħut, kbir daqs 486 grawnd tal-futbol, li se jkun ftit ‘il barra minn Għawdex.

Il-MP tal-PD Godfrey Farrugia qal li din l-istrateġija tmur kontra l-wegħdiet tal-amministrazzjoni Laburista għal aktar trasparenza. Spjega li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u Ippjanar ta’ Żvilupp ried ipoġġi din il-kwistjoni fuq l-aġenda, imma l-President tal-Kumitat, li jaħdem bħala persuna ta’ fiduċja fl-OPM, irrifjuta.

Il-PD qed isejjaħ minnufih li t-trasparenza sħiħa fl-applikazzjonijiet u sottomissjonijiet lill-PA titreġġa’ lura għax fi kliemu, “dan l-aġir qed jiffavorixxi l-iżviluppaturi fil-proċess tal-ippjanar.”

Il-PD qal li l-PA stqarret li din il-miżura l-ġdida, li ġiet introdotta mingħajr ma ġie mgħarraf il-pubbliku, hija fil-limiti tal-liġi. Skont il-PD, hu car li l-PA qed tfalli fil-missjoni tagħha. Il-PD temm jgħid li ,”Din hija sitwazzjoni oħra fejn dak li hu legalment possibbli mhux etikament permissibbli.”