Il-PA ma tapprovax li BFA jibdel għalqa fi ġnien

L-Awtorità tal-Ippjanar ma approvatx talba li għamel id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami biex ibiddel fi ġnien l-għalqa li għandu fuq wara tar-residenza tiegħu.
Dr Fenech Adami kien talab lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tissanzjona xi xogħlijiet li kien għamel fuq l-għalqa li hi parti mir-residenza tiegħu fil-Għargħur.
L-Awtorità tal-Ippjanar ma laqgħetx din it-talba u talbet lil Beppe Fenech Adami biex ineħħi passaġġ tal-ġebel u anke gallinar tat-tiġieġ li għamel fl-istess għalqa.
Ir-residenza ta’ Beppe Fenech Adami kienet spiċċat f’nofs kontroversja meta kien qed jingħad mill-Partit Laburista u l-midja tiegħu li l-propjetà hija mibnija fuq art ODZ u li b’daqqa ta’ pinna, taħt l-ammistrazzjoni Nazzjonalista, inbidlet f’żona ta’ żvilupp.
Il-Partit Laburista kien saħaq ukoll li fl-2008, Lawrence Gonzi ffirma biex id-dar ta’ Fenech Adami tikber bi tliet sulari u biex ikollha basement.
Dwar dan, Beppe Fenech Adami kien fetaħ u rebaħ libell kontra l-midja tal-Partit Laburista għalkemm dwaru hemm appell.
Filwaqt li d-dar tinsab fuq art għall-iżvillupp, is-swimming pool u l-għalqa mhumiex.
Il-Kummissjoni tal-Ippjanar saħqet li l-applikazzjoni ta’ Fenech Adami ma kinitx tipprovdi biżżejjed dettall dwar il-materjal użat biex inbena l-gallinar u skont l-uffiċjal tal-każ intużat il-ġebla li tmur kontra l-politika rurali.
L-istess uffiċjal tal-każ ma kellu l-ebda problema bis-sanzjoni taż-żona ta’ madwar il-pool għax skontu kienet fuq medda inqas minn dik approvata.
Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, Beppe Fenech Adami kkonferma li ntalab inneħħi l-passaġġ bil-ġebla għalkemm saħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar tat għexieren ta’ permessi simili.
Qal li dan ma għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li sejjaħ bħala gideb fil-konfront tiegħu mill-midja tal-Partit Laburista, jiġifieri li bena bla permess, li bena aktar sulari mill-permess u li għandu pool u pool deck bla permess.
Intant, il-Partit Laburiata qal li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar tikkonferma kemm Beppe Fenech Adami u l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kredibbli meta jitkellmu dwar l-ambjent.
Saħaq li Fenech Adami mhux l-uniku kandidat li fi kliemu aġixxa b’mod differenti minn kif tkellem il-PN fuq l-ODZ.