Il-PA ma tapprovax blokka appartamenti ta’ 5 sulari fix-Xagħra

Żvilupp fix-Xagħra mhux approvat. Ritratt: Christian Zammit

L-iżvilupp ta’ blokka ta’ ħames sulari u penthouse fix-Xagħra ġie irrifjutat mill-Awtorità tal-Ippjannar (PA). L-iżvilupp kellu jsir ħdejn il-mitħna fi Triq Ġnien Xibla.

Din id-deċiżjoni ġiet milqugħa kemm mill- Kunsill Lokali tax-Xagħra, kif ukoll mill-għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA).

“L-iżvilupp huwa qrib sit skedat” – Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra

Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra sostna li intervjena u rreġistra t-tħassib tiegħu meta ġie propost l-iżvilupp. Dan għax jinsab ferm qrib ta’ sit skedat.

L-Awtorita' tal-Ippjanar tirrifjuta applikazzjoni ta' żvilupp ta' blokka appartamenti ħdejn il-mitħna storika fi Triq Ġnien Xibla.

Posted by Xagħra Local Council on Tuesday, January 12, 2021

Il-Kunsill qed jopponi wkoll żvilupp għoli ferm propost fit-tarf nett tal-istess triq, illi se jkun jidher sew minn diversi bnadi. Barra minn hekk il-Kunsill se jkun qed jissielet appell imressaq minn dawk li qed jipproponu B&B fil-Pjazza tal-Vittorja, liema B&B allegatament jikser numru ta’ regoli.

“L-effetti ta’ żvilupp għandhom jagħmlu sens mas-sit” – FAA

L-FAA qalet li l-policy dwar l-inħawi ta’ binjiet skedati tgħid li l-effetti ta’ żviluppi riċenti għandhom ikunu inqas u mhux iżjed, biex il-kuntest storiku tal-binja jibqa’ jingħata importanza. Minkejja din il-policy, il-protezzjoni tal-madwar tibqa’ f’idejn il-bord tal-PA.

L-FAA qed titlob ukoll li titneħħa il-klawżola DC 15 Annex 1 building heights, li qed tħalli żieda tal-għoli fil-binjiet ma’ Malta u Għawdex. Dawn il-binjiet ta’ 5 u 6 sulari qed iħassru ċ-ċentri tal-villaġġi.

Applikazzjonijiet għal żviluppi riċenti jinkludu hotels u 50-70 flat fix-Xlendi, Xagħra, Nadur u Qala li qed iħassru il-kwalità tal-ħajja f’dawn il-komunitajiet.