“Il-PA kisret id-drittijiet umani” – Il-familja Caruana Galizia

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, il-Ġimgħa ssottomettiet applikazzjoni fil-Qorti Kostituzzjonali li tgħid li l-Awtorità tal-Ippjanar kisret id-dritt tagħhom li jitkellmu b’mod ħieles.

Ulied il-ġurnalista, Matthew, Andre u Paul u missierhom, Peter saħqu li ż-żewġ banners li tpoġġew barra propjetà privata fil-Belt Valletta tneħħew mill-Awtorità tal-Ippjanar. It-tneħħija tal-banners diġa għaddiet minn protesta oħra fil-Qorti, madanakollu wara li l-Awtorità tal-ippjanar issottometiet it-tweġiba tagħha, il-familja ddeċidiet li tapplika fil-Qorti Kostituzzjonali u kisret Artiklu 41 tal-Kostituzzjoni Maltija u Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fl-ittra jgħidu li l-atteġġjament kien wieħed abbużiv u li t-tneħħija tal-banner ma ħallitx li l-messaġġ tagħhom jitwassal. Sostnew li kien ċar li l-kontenut tal-banner ma kienx dak ta’ billboard jew riklam u għaldaqstant irrimarkaw li l-liġijiet li tkellmet dwarhom il-PA mhux applikabbli.

L-ewwel banner ittella’ fil-31 ta’ Marzu u tneħħa mill-Awtorità tal-Ippjanar fis-7 ta’ April. Il-familja jidher li ma kinitx taf li tneħħa mill-PA u għaldaqstant irrappurtat li kien ġie misruq. Fil-15 ta’ April kien ittella’ bannew ieħor mal-istess propjetà privata u tneħħa biss 12-il siegħa wara suspettat ukoll mill-PA stess.

Il-banner kien jistaqsi dawn it-tliet mistoqsijiet:

  1. Kummissarju, għalfejn Keith Schembri u Konrad Mizzi mhumiex il-ħabs?
  2. Joseph Muscat għalfejn martek mhix qed tiġi investigata mill-Pulizija?
  3. Min ħallas sabiex Daphne Caruana Galizia tinqatel wara li staqsiet dawn il-mistoqsijiet?