Il-PA b’żewġ għażliet dwar il-proġett fiċ-ċentru ta’ Malta – PD

Il-Partit Demokratiku qal li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għandha żewġ għażliet dwar il-proġett ta’ toroq fiċ-ċentru ta’ Malta (Central Link Project), jiġifieri li l-pjanijiet jibqgħu kif inhuma jew inkella jinbena bypass ‘il fuq mill-art.

Fi stqarrija, il-PD qal li l-oġġezzjonijiet għall-proġett tas-Central Link se jagħlqu għada. Skont il-PD, il-PA għandha żewġ għażliet. L-ewwel waħda hi li jħallu l-pjanijiet kif inhuma imma jaraw li wieħed ikun jista’ jgħix ħdejn it-toroq prinċipali. It-tieni hi li jsir bypass ‘il fuq mill-art li ma jeqridx l-art agrikola.

Il-PD qal li ma jaqbilx ma’ pont għal dawk li jkunu bil-mixi minħabba li jkun ikrah. Qal ukoll li pont bħal dan ma jkunx aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Fi kliem il-PD, jidher li hemm proposta li jinbena pont ħdejn il-Corinthia junction, liema proposta l-partit iddeskriva bħala mhux razzjonali. “Il-karreġġjati għar-roti għandhom ikunu prijorità ewlenija għat-toroq ta’ għada” żied jgħid il-PD. Qal li l-pjanijiet proposti għaċ-ċiklisti s’issa huma inaċċettabbli.