“Il-mużika m’għandhiex kuluri” – Lydia Abela

L-ewwel edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’ – proġett ġdid li din is-sena se jgħaqqad l-opra mal-musicals

Ritratt: Reuben Piscopo / DOI

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, nediet l-ewwel edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, li se jsir nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Lulju mit-8:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem.

Għal din l-okkażjoni, il-palazz meraviljuż tal-Girgenti se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku wara ż-żmien diffiċli tal-COVID-19 li pajjiżna għeleb b’suċċess. 

Dr Abela qalet li, flimkien mal-Prim Ministru u t-tifla Georgia Mae, tinsab ħerqana biex tilqa’ lill-familji Maltin u Għawdxin għal din l-esperjenza ta’ arti u kultura mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Maestro ta’ fama internazzjonali Wayne Marshall.

“Il-mużika m’għandhiex kuluri u anzi tgħaqqad u tnissel sens ta’ serenità u paċi. It-tema ‘A Night at the Palace’ fil-fatt toħroġ is-sabiħ li se toffri din is-serata memorabbli lil kull min jattendi.”

Iċ-Chairperson tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Sigmund Mifsud spjega li ‘A Night at the Palace’ se jkun l-ewwel kunċert li ttella’ l-Orkestra bil-membri kollha tagħha wara l-COVID-19.

Il-Maestro Mifsud qal li jinsab entużjast ħafna għal dan il-proġett ġdid li se jwassal mument speċjali u partikolari billi jgħaqqad l-opra mad-dinja tal-musicals.

Filwaqt li d-dħul se jkun b’xejn, l-organizzaturi tal-kunċert se jitolbu donazzjoni biex jinġabru fondi għal settur tant għal qalb il-mara tal-Prim Ministru – l-organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali.

Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinġabru nhar it-Tnejn u t-Tlieta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru mid-9 ta’ filgħodu sa nofsinhar.

Intant, Dr Abela qalet li dan il-kunċert mhux se jkun l-ewwel u l-unika avveniment li se tkun qed tmexxi ’l quddiem, u fil-jiem li ġejjin mistennija tħabbar numru ta’ inizattivi innovattivi li jgħaqqdu lill-poplu ma’ kawżi ġusti għal pajjiżna.

Din l-informazzjoni twasslet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.