Il-Musulmani l-ewwel vittmi tal-fundamentaliżmu – Hollande

Wara l-funerali tal-Lhud u tal-Pulizija li nqatlu l-ġimgħa li għaddiet f’Pariġi, kien imiss illum il-funerali ta’ wħud mill-ġurnalisti tar-rivista Charlie Hebdo.
Sadattant, wara l-ħarġa straordinarja tagħha lbieraħ bi 3 miljun kopja, li nbiegħet kollha fi ftit sigħat, mill-ewwel tfaċċaw kopji tagħha fuq ebay li kienu qed iġibu prezz ferm ogħla mit-€3 li tinbiegħ is-soltu.
L-għola offerta għall-irkant fuq l-internet qabżet il-€15,000.

Matul il-ġurnata wkoll, il-President Franċiż Francois Hollande wiegħed li se jipproteġi liċ-ċittadini ta’ pajjiżu, inkluż lill-Musulmani.
Saħaq li huma l-ewwel vittmi tal-fanatiżmu, tal-fundamentaliżmu u tal-intolleranza.

Mal-lejl, erba’ persuni f’karozza tajru apposta lil Pulizija mara li kienet għassa mal-palazz tal-President fil-kapitali Franċiża.
Franza ma tistax isserraħ rasha wara l-attakki tal-ġimgħa l-oħra, anke għaliex fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li 19,000 sit elettroniku Franċiż ġew iħħekkjati minn hackers Iżlamisti.
Din hi l-ewwel darba li s-sistema tal-informatika fil-pajjiż ġiet attakkata b’dan il-mod qawwi għalkemm mhux perikoluż.