Il-Musulmani fl-Eġittu mħeġġa jiċċelebraw il-Milied mal-Insara

L-Imam ta’ al-Azhar ikkundanna bil-qawwa kollha l-attakki terroristiċi li saru fuq l-Insara Kopti fl-aħħar jiem u appella lill-Musulmani Eġizzjani biex jiċċelebraw il-Milied biex juru solidarjetà mal-Insara. 
Il-Knisja Ortodossa tiċċelebra l-Milied fis-7 ta’ Jannar.
“L-Eġizzjani kollha huma mħeġġa biex iżommu sod quddiem din il-konfoffa ta’ ħażen u jingħaqdu ma ħuthom il-Kopti biex jiċċelebraw l-anniversarju tat-twelid ta’ Kristu”, qal Ahmed el-Tayeb, li hu meqjus mill-Musulmani bħala l-ogħla awtorità Sunni.
Fid-29 ta’ Diċembru, nies armati li kienu fuq muturi attakkaw knisja tal-Kopti f’Helwan, qrib il-Kajr, fejn jgħixu madwar 640,000 persuna, u ħallew 10 persuni mejta, fosthom xi uffiċjali tas-sigurtà. 
Rapporti fil-midja qalu li wieħed mit-terroristi nqatel mill-forzi tas-sigurtà, filwaqt li l-oħrajn kienu arrestati.
Fl-istess jum, żewġ Insara Kopti nqatlu f’attakk li sar fuq il-ħanut tagħhom fl-istess belt. 
Il-Papa Tawadros II, Kap tal-Knisja Ortodossa Kopta, ikkundanna dawn l-inċidenti krudili li qal huma frott ta’ nies kodardi u tradituri.
Hu esprima l-kondaljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi kif ukoll mal-Korp tal-Pulizija, mal-Knisja u mal-poplu Eġizzjan kollu li qal li għandu jibqa’ b’saħħtu  biex jirbaħ lill-forzi tad-dlam u t-terroristi li m'għandhom ebda kuxjenza.
Il-Kardinal Kurt Koch, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara, ikkundanna l-attakk filwaqt li qal li “is-sinjal li l-Insara jistgħu jagħtu lid-dinja hu dak ta’ fidi qawwija, għażla ta’ ħajja li ngħixu fil-misteru ta’ Kristu”.
B’riferenza għall-Insara ppersegwitati qal li “għandna ħafna x’nitgħallmu minn dawn l-Insara”.
“Il-Gvern Eġizzjan qed jagħmel dak kollu li jista’ biex jiddefendi l-knejjes u l-Insara, imma xorta waħda tibqa’ l-biża’”, qal l-Arċisqof Bruno Musaro, Nunzju Appostoliku fl-Eġittu.
Anke waqt l-Angelus tal-aħħar tas-sena fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku esprimma l-viċinanza u s-solidarjetà tiegħu mal-Insara Kopti u talab għall-konverżjoni “tal-qlub vjolenti kollha”.