Il-musical Jesus Christ Superstar f’Għawdex

It-Teatru Astra se jtella’ l-musical, Jesus Christ Superstar.
Dan il-musical se jkun wieħed mill-attrazzjonijiet prinċipali bħala parti miċ-ċelebrazzjoniet tal-anniversarju minn meta it-Teatru Astra fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku 50 sena ilu, f` Jannar 1968.
Jesus Christ Superstar, huwa it-tielet musical konsekuttiv li ser ikun imtella’ mit-Teatru Astra, wara id-debut ta’ Grease, fl-2016 u Evita, f’Marzu li għadda.
Il-musical, xogħol ta` Andrew Lloyd Webber u Tim Rice għamel l-ewwel suċċessi tiegħu fl-1970, liema suċċessi waslu għall-ftuħ fi Broadway sena wara fl-1971, taħt id-direzzjoni ta` Tom O` Horgan, fejn wara biss sentejn kienu diġà ttelgħu ’l fuq minn 700 produzzjoni tal-istess musical.
L-istorja tal-musical hija mibnija fuq episodji mill-ħajja ta` Ġesu` meħudin mill-evanġelju, mill-wasla tiegħu f`Ġerusalem sal-Kruċifissjoni. L-istorja tittratta kunflitti intellettwali bejn Ġesù u Ġuda l-Iskarjota li mhux neċessarjament jinsabu preżenti fil-bibbja. B`dan il-mod, il-musical joffri interpretazzjoni ħielsa tal-karattri, kemm ta` Ġesù kif ukoll tal-karattri l-oħrajn. Il-lirika tal-musical, hija pjuttost mera taż-żminijiet moderni, fejn matulha wieħed jinnota riflessi ta' avvenimenti li  naraw iseħħu madwarna mpoġġijin f'punti diversi tal-istorja.
It-Teatru Astra, se jkun qed itella’ żewġ raprezentazzjonijiet ta` dan il-musical fil-weekend ta` qabel l-Għid il-Kbir, nhar is-Sibt 24 ta` Marzu fit-8pm u rapreżentazzjoni matinee l-għada, Ħadd il-Palm, 25 ta` Marzu, fit-3.30pm.
Wieħed jista’ jibbukkja l-biljetti mnn hawn.