Il-muniti virtwali qed joqtlu lin-nies – Bill Gates

Il-Fundatur tal-kumpanija Microsoft, Bill Gates, qal li l-muniti virtwali qed joqtlu lin-nies b’mod pjuttost dirett.
Gates qal dan fuq is-sit Reddit fejn kwalunkwe persuna kellha l-opportunità tistaqsih xi domanda.
Gates kien qed jirreferi għal mod ta’ kif muniti virtwali (virtual currencies) bħall-Bitcoin jintużaw biex jinxtraw drogi sintetiċi.
Madanakollu, ċertu nies ikkritikawh u akkużaw li Gates ma kienx mgħarraf sew dwar din it-teknoloġija.
Mistoqsi għall-opinjoni tiegħu dwar il-muniti virtwali, Gates qal li waħda mill-karatteristiċi tagħhom hija l-anonimità. Fil-fehma tiegħu, din mhix xi ħaġa tajba. Qal li l-abbiltà ta’ Gvern biex ikun jista’ jinvestiga l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, u l-iffinanzjar tat-terroriżmu hija xi ħaġa pożittiva.
Madanakollu, Gates darba kien qal waqt intervista fuq BloomBerg TV li l-Bitcoin kienet aħjar mill-flus kontanti.
L-investitur magħruf Warren Buffet kien qal li l-moda tal-muniti virtwali tista' tintemm b’mod ħażin.