Il-Mulej jimxi fi triqatna jimlina bit-tama

Fl-aħħar quddiesa tal-vjaġġ appostoliku tiegħu fl-Amerika Latina, il-Papa Franġisku  enfasizza kif Kristu jkompli jimxi fit-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna biex iżomm tixgħel il-fjamma tat-tama u l-aspirazzjoni li t-tifrik jista’ jintrebaħ fl-għaqda, l-inġustizzji bis-solidarjeta’ u l-vjolenza tissikket bl-arma tal-paċi.
Fl-omelija tal-quddiesa li saret fil-bażi tal-ajru f’Las Palmas fil-Peru, il-Papa ġibed riflessjoni mill-qari tal-quddiesa meta l-Mulej kellem lil Ġona u bagħtu f’Ninwe u jwassal il-messaġġ Tiegħu u mbagħad mar il-Galilea iwassal l-aħbar it-tajba.
 
Il-Papa nnota kif kultant, il-bliet tagħna “minħabba sitwazzjonijiet ta’ sofferenza u inġustizzja, jittantawna naħarbu jew nistaħbew”. Hemm dawk li jgħixu fit-triqat tagħna, jgħixu fil-periferija tal-bliet u ma għandhomx il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jgħixu ħajja dinjituża. Inweġġgħu meta nirrealizzaw li fost dawn, spiss ikun hemm anke tfal u adoloxxenti.
 
Papa Franġisku fakkar kif wara l-arrest ta’ Ġwanni, Ġesu’ telaq lejn il-Galilea biex jipproklama l-Evanġelju. Kuntrarju għal Ġona, Ġesu’ irreaġixxa għall-aħbar kera u nġusta tal-arrest ta’ Ġwanni billi mar il-Galilea u fil-bliet tal-post beda jiżra’ iż-żerriegħa tat-tama.
 
Ġesu’, stieden lid-dixxipli biex jesperjenzaw togħma tal-eternita’: l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu. Ġesu’ mexa mad-dixxipli tiegħu fit-toroq u beda jara, jisma’ u jinnota dawk li qatgħu qalbhom quddiem l-indifferenza u waqgħu fil-baxx bid-dnub gravi tal-korruzzjoni. Hu jibda jitfa’ d-dawl fuq diversi sitwazzjonijiet li qatlu t-tama tal-poplu u jxettel tama ġdida.
 
Papa Franġisku enfasizza kif  “Ġesu’ jkompli jimxi fostha u jqajjem it-tama, tama li teħlisna minn assoċjazzjonijiet fiergħa. Is-Saltna tas-Smewwwiet hi fostkom, jgħidilna Kristu. Qegħda hemm kull darba li nagħmlu sforz biex nuru imħabba u kompassjoni. Alla qatt ma jgħajja joħroġ ifittex lil uliedu. Illum, il-Mulej qed isejjaħ lil kull wieħed minnha biex nimxu miegħu fil-b liet tagħna”.