Il-Mulej iħallaskom…

Papa Franġisku jżur iċ-Ċentru DREAM li joffri kura bla ħlas lill-morda bl-AIDS

Dan il-kliem ta’ inkoraġġiment u ringrazzjament, il-Papa Franġisku rriservah għal dawk li jaħdmu u jservu f’dak li hu magħruf bħala ċ-Ċentru DREAM, li jinsab f’Zimpeto, fil-Mozambique, li sar fl-aħħar jum tal-waqfa tiegħu fil-Mozambique fiz-zjara li għamel fi tliet pajjiżi Afrikani.

Dan iċ-Ċentru twaqqaf mill-Komunità ta’ San Egidio fl-2002 u jservi għal serħan mill-mard b’mezzi avanzati eċċellenti u joffri kura lil nies morda bl-AIDS.

Il-Papa wasal għal dan l-appuntament nofs siegħa qabel u mal-wasla tiegħu ntlaqa’ minn Andrehea Riccardi, fundatriċi tal-Komunità San Egidio u mal-koordinatriċi taċ-Ċentru, Cacilda Massango.

Mediċini u kura b’xejn

Il-koordinatriċi esprimiet il-ferħ tagħha għal din iż-żjara u qalet li f’dan il-post, il-mediċina, il-kura, l-ikel u fuq kollox id-dinjità u l-ħbiberija mal-marid, jingħataw b’xejn.

Hi qalet li “hawn f’Zapatero, ħafna nisa morda jirkupraw saħħithom u jibdew jgħinu pazjenti oħra u jakkumpanjawhom fil-kura.  Jien kont fost l-ewwel pazjenti ta’ dan iċ-Ċentru u issa ddeċidejt li npatti għal dak li rċivejt. Kont mara żgħażugħa marida u kulħadd kien iwarrabni u jabbandunani. Fi DREAM sibt familja ġdida apparti l-kura. Post li tani dinjità u future għal uliedi. Bħali eluf ta’ nies mill-Mozambique f’dan il-post twieldu mill-ġdid”.

Il-Papa Franġisku meta ra l-kompetenza, il-professjonaliżmu u l-imħabba li bihom il-pazjenti jkunu kkurati, partikolarment dawk morda bl-AIDS u partikolarment lil ommijiet u uliedhom, qal li dan wasslu biex jiftakar fil-parabbola tar-Ragħaj it-Tajjeb.

Hu qal li dawk li resqu lejn dan iċ-Ċentru nkwetati u ddisprat huma bħal dawk in-nies tal-parabbola li kienu fil-ġenb tat-triq

Qatt m’hu impossibbli

“Dan iċ-Ċentru” enfasizza l-Papa jixhed li dejjem hemm nies li lesti jieqfu u juru kumpassjoni u ma jaqgħux għat-tentazzjoni li jgħidu: “M’hemmx x’tagħmel” jew “impossibbli li tiġġieled din il-marda”.

Il-Papa faħħar id-determinazzjoni tat-tmexxija taċ-Ċentru li jsib soluzzjonijiet għall-pazjenti tiegħu. Il-Mulej iħallaskom ta’ dan kollu li għandu jimlikom bil-ferħ

Fi tmiem iż-żjara li għamel f’dan iċ-Ċentru, Papa Franġisku ngħata rigal ta’ salib magħmul minn metal u qasab miġbur mid-djar li tfarrku biċ-ċiklun Idai, li f’Marzu li għadda laqat il-pajjiż.

“Hekk kif jien se nitlaq minn dan il-post u intom tirritornaw għall-ħidma tagħkom fejn ħadd ma jfaħħarkom jew iċapċpilkom, komplu ilqgħu lil dawk li jfittxu s-servizzi tagħkom u morru fittxu lill-morda fil-periferiji.  Ma ninsewx li isimhom hu miktub fis-sema mal-kliem: “Dawn huma l-imbierka ta’ Missieri”.

“Żidu l-isforzi tagħkom biex tassiguraw li dan iċ-Ċentru jibqa’ dejjem post li jwelled it-tama. Il-Bambin iberikkom lilkom, il-familji tagħkom u lil dawk li jassistukom b’tant imħabba u jinkoraġġukom biex tipperseveraw”, talabhom il-Papa Franġisku.