Il-Mulej idaħħalna bla ħlas

Il-Papa waqt il-Quddiesa f'Santa Marta nhar it-Tlieta li għadda

“Il-Mulej jistenniena b’mod speċjali għax aħna ħżiena”, qal il-Papa Franġisku f’Omelija waqt Quddiesa fil-kappella Santa Marta, nhar it-Tlieta.

“Il-festa hi xempju tal-Ġenna, ta’ eternità ma’ Alla”, u int tidħol bla ħlas, b’xejn”, qal il-Papa waqt li rrifletta  fuq l-Evanġelju ta’ San Luqa.  “Il-Mulej, Alla tagħna dejjem jistedinna hekk; Hu ma jitlobx ħlas biex nidħlu. Fil-festin, wieħed ma jħallasx biex jidħol: hu min jistiednek li jħallas għal kollox”.

Quddiem din il-ġenerożità, il-Papa jinnota “attitudni ta’ qsim il-qalb: “mhux se mmur għall-festa, nippreferi noqgħod waħdi, ma dawk li jogħġbuni, magħluq, iddejqunix bil-festi tagħkom”.  Dan hu dnub. “Id-dnub tal-poplu ta’ Israel, id-dnub tagħna lkoll meta ningħalqu”.

“Fil-mixja ta’ ħajjitna aħna spiss inkunu ffaċċjati b’din l-għażla”, wissa’ Papa Franġisku. “Jew il-ġenerożità t’Alla, li mmorru għandu u niltaqgħu miegħu, jew ningħalqu fina nfusna, fl-affarijiet tagħna, fl-interessi tagħna.  Hu minħabba f’hekk li Alla meta jitkellem dwar dan l-għeluq tagna, jgħid li hu ferm diffiċli għal raġel għani li jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.

Kulħadd mistieden

Hemm irġiel sinjuri twajba, qaddisin li mhux marbuta mal-ġid, iżda l-maġġoranza moħħhom fil-ġid u magħluqa.  Dawn ma jistgħux jifhmu x’inhi l-festa, għax għandhom is-sigurtà tal-affarijiet li huma tagħhom.”

“Kulħadd mistieden. Ħadd ma’ jista’ jgħid: “Jien ħażin, jien ma nistax…”  Le. Il-Mulej jistenniek b’mod speċjali, għax int ħażin.”

Il-Papa ssuġerixxa li wieħed jagħmel eżami ta’ kuxjenza. Kif sejra ħajjitna? Jien x’nippreferi: li naċċetta l-istedina t’Alla dejjem jew ningħalaq fija nnifsi, fl-affarijiet tiegħi?

Ejjew nitolbu ‘l Alla biex jagħtina grazzja li dejjem naċċettaw li mmorru għall-festa tiegħu li hi b’xejn, bla ħlas, temm jgħid il-Papa Franġisku.