Il-Mulej dejjem jagħtina ċans ieħor

Il-Papa Franġisku jitkellem ma' priġunier żgħażugħ fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni f'Pacora

Waqt żjara li għamel f’ċentru ta’ detenzjoni ta’ priġunieri żgħażagħ fil-Panama, il-Papa Franġisku qarar ħamsa minnhom u mbagħad iċċelebra quddiesa għalihom li fiha għamel omelija apposta fuq it-tema tar-rikonċiljazzjoni.

Il-Papa rrifera għall-Bibbja fejn il-Fariżej ikkritikaw lil Kristu u ppruvaw jiskreditawh meta akkużawh li jilqa’ lill-midinbin u jiekol magħhom. Din l-attitudni qal il-Papa timblokka kull tip ta’ bidla, twarrab l-inklużjoni u ma twassalx għall-konversjoni.  Mhux hekk Kristu li dejjem jilqana u jagħtina ċans ieħor.

Skont rapport ta’ Vatican News dwar din iż-żjara, il-Papa qalilhom li “kultant hu eħfef li twaħħal sinjali u tabelli li jservu biss biex jifirdu: dawn nies tajbin u dawk ħżiena; dawn huma l-midinbin u dawk il-perfetti.”

Fid-diskors tiegħu l-Papa inkoraġixxa lil dawn il-priġunieri żgħażagħ biex ikunu attenti u ma jagħtux każ dawk li jiskoraġġuhom u jgħidulhom li “din mhux kapaċi tagħmilha”, dawn qishom dud tal-kamla. Għidulhom u għidu lilkom infuskom li: “Iva nistgħu”.

Papa Franġisku qalilhom li “l-imħabba t’Alla m’għandhiex post għat-tgergir”. L-imħabba t’Alla tibda proċess ta’ integrazzjoni u trasformazzjoni, ta’ fejqan u maħfra. Meta kiel mal-midinbin, Ġesù kisser il-mentalità li teskludi, li tisola u falzament tifred ‘it-tajjeb mill-ħażin’. Kull wieħed minnha hu ferm aktar mit-tabella jew timbru li għandu, sostna l-Papa.

“Il-komunità timrad meta tgħix fuq in-negattiviżmu u tgergir bla ħniena. Soċjetà hi tajba meta tkun kapaċi tiġġenera proċessi ta’ inklużjoni u integrazzjoni, tibni futur permezz tal-għaqda, l-edukazzjoni u x-xogħol.”

Il-Papa tkellemm dwar il-bżonn u l-benefiċċju tar-riabilitazzjoni u faħħar il-ħidma tal-awtoritajiet ta’ dan iċ-ċentru ta’ detenzjoni għas-servizz li jagħti lill-priġunieri żgħażagħ biex meta jiskontaw is-sentenzi tagħhom ikunu kapaċi jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà.

Fil-fatt, dan il-Pacora Juvenile Detention Centre għandu tim ta’ psikologi u social workers li jippreparaw il-priġunieri żgħażagħ għall-ħajja barra mill-ħitan tal-ħabs, mingħajr tabelli u bir-rieda li ma jirritornawx hemm ġew.

Meta laqa’ lill-Papa Franġisku, id-Direttur taċ-Ċentru infurmah dwar il-ħidma li kienu għamlu d-detenuti bi preparazzjoni għal din iż-żjara. Bnew huma stess is-sedja li fuqha poġġa l-Papa waqt il-quddiesa. Ippreparaw diversi tipi ta’ ħobż li tawh bħala rigal. Għamlu siegħat twal jikkunċertaw il-kant, ħadmulu stola u għamlu pittura tiegħu.  Barra minn dan, ħadmu fil-ħwienet tal-ħabs, il-konfessjonarji – madwar 100 – li ntużaw għall-qrar waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.