Il-mowbajl tiegħek aktar qawwi mill-kompjuter li niżżel il-bniedem fuq il-qamar

Meta wieħed iħares lejn il-wasla tal-ewwel bniedem fuq il-qamar forsi tiġih it-tentazzjoni li ma janalizzax x’wassal għal dan l-avveniment straordinarju għall-umanità. L-astronawti li għażlu minn jeddhom jaċċettaw li jitilgħu fuq ir-rocket li kellu jwassalhom fuq wiċċ il-qamar ma kinux jaraw passat li jqawwilhom qalbhom fejn jidħol l-esplorazzjoni tal-ispazju fis-Snin 60.

Mid-967 illanċjar tar-rockets li ppruvaw ittellgħu fl-ispazju qabel Apollo 11, dik li wasslet il-bniedem fuq il-qamar, wieħed minn kull sebgħa jew sploda, jew ma ħadimx inkella ma rnexxilux jitla’ fl-ispazju.

Ir-rocket Saturn V kien għoli ta’ 111-il metru u kellu fih 2.5 miljun kilogram ta’ fjuwil. Kieku dan il-fjuwil ħa f’daqqa kien jisplodi b’enerġija ta’ 4 fil-mija  tal-bomba atomika li farrket lil Hiroshima fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Meta l-astronawti telgħu fir-rocket fis-16 ta’ Lulju 1969 kienu jafu li meta jibda tiela’ kien se jagħmel ħoss ta 220 decibels, qawwa kbira li kapaċi ddewweb il-konkrit u taħraq il-ħaxix sa mil ’il bogħod minn fejn kien illanċjat ir-rocket.

Il-mowbajl Nokia 3310 tal-sena 2000, aqwa minn dak ta’ Apollo 11

Il-mowbajl tiegħek għandu elf darba aktar processing power mill-kompjuter li ntuża biex wassal lill-astronawti fuq il-qamar. Il-mowbajl Nokia 3310 tas-sena 2000 kellu proċessur ta’ 66MHz ARM7 u kien joqgħod fil-pala ta’ jdejk. Dak tal-astronawti kellu proċessur ta’ 2.048mhz u kien jiżen 32 kilogram.

Il-missjoni spazjali li wasslet il-bniedem fuq il-qamar kellha tiddependi ħafna fuq livell għoli ta’ matematika, testijiet rigorużi u, fuq kollox, xorti tajba kontra r-realtajiet li ma jaħfrux żball li seta’ sar waqt it-titjira spazjali.

AQRA: Id-diskors tal-President Nixon kieku l-astronawti kienu abbandunati fuq il-qamar