Il-mowbajl jgħin fir-relazzjonijiet?

Read in English.

Il-mowbajl huwa għodda utli ħafna biex wieħed iżomm kuntatt mall-ħbieb u l-familja, ikunu fejn ikunu. Madanakollu, l-mowbajl huwa sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat.

Il-psikologa Suzanne E. Flores, qalet ma’ midja internazzjonali li, filwaqt li taqbel li l-mowbajl huwa utli, jista’ jikkawża diversi problemi fil-ħajja. Spjegat kif il-mowbajl jagħti l-possibiltà lill-koppja tikkomunika meta tkun ‘il bogħod minn xulxin. Madanakollu, meta l-mowbajl jiġi użat waqt li l-koppja tkun flimkien, il-persuna li ma tkunx qed tuża l-mowbajl tista’ tħossha injorata.

Dan l-istess effett japplika jekk wieħed juża l-mowbajl meta joħroġ ma’ sħabu u meta l-ġenituri jqattgħu ħafna ħin fuq il-mowbajl fil-preżenza tat-tfal.

Ħafna huma dawk li jkollom diskussjonijiet serji u argumenti permezz ta’ messaġġi, minflok wiċċ imb wiċċ. Il-psikologa Flores qalet li dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ komunikazzjoni, u b’hekk dak li wieħed jgħid jista’ jiġi miżinterpretat. B’hekk, argumenti fuq il-mowbajl jistgħu jwasslu għal iktar ġlied minflok isolvu l-problema.