Il-Movimenti Popolari strument għal bidla soċjali

Il-Papa Franġisku flimkien ma’ rappreżentanti ta’ movimenti popolari miġbura fil-Vatikan (Credit: L'Osservatore Romano/Pool Photo via AP.)

Fid-Daħla li kiteb għal ktieb li jiġbor fih riċerka tul ħames snin dwar eluf ta’ assoċjazzjonijiet li jaħdmu madwar id-dinja, il-Papa Franġisku jiddeskrivi l-movimenti popolari bħala “strument effettiv għal bidla soċjali”.

“The Emergence of Popular Movements: Rerum Novarum of our time” hu t-titlu ta’ dan il-ktieb ġdid li kien pubblikat bl-Ispanjol mid-dar tal-pubblikazzjonijiet tal-Vatikan (LEV) għall-Kummissjoni Pontifiċja dwar l-Amerika Latina.

Il-ktieb jesplora dak li seħħ f’numru ta’ laqgħat internazzjonali li saru mill-2014 fl-Amerika u li għalihom attendew eluf ta’ rappreżentanti minn movimenti popolari.

Bidla soċjali

Fid-Daħla tal-ktieb, il-Papa Franġisku qal li “nies li jgħixu fil-periferiji eżistenzjali tas-soċjetà m’humiex biss settur tal-popolazzjoni li l-Knisja trid tilħaq imma huma xitla li bħaż-żerriegħa tal-mustarda,  tagħti ħafna frott”. Hu qal li l-movimenti popolari li jirrappreżentaw lil dawn in-nies huma mezz qawwi għal bidla soċjali.

Il-Papa kiteb li n-nies tal-periferija mhux nies passivi li sempliċement jirċievu l-għajnuna soċjali imma protagonisti attivi tal-futur tagħna

Żied jikteb li “il-movimenti popolari jirrappreżentaw alternattiva soċjali importanti, karba mill-qiegħ, sinjal kontradittorju u tama li kollox jista’ jinbidel”.  Il-mod kif dawn il-movimenti jirreżistu t-“tirannija tal-flus” b’ħafna diffikulta u tbatija juri li l-movimenti popolari huma “l-għassiesa” ta’ futur aħjar.

Demokrazija msaħħa

Il-Kap tal-Knisja żied jikteb li  l-umanità qed tiffaċċja bidla epika karateriżżata mill-biża’. X-xenofobia u r-razziżmu.

Il-movimenti popolari jistgħu jibdlu din it-tendenza għax huma “sors ta’ enerġija morali li ssaħħaħ id-demokrazija”.

“L-antitodu għall-populiżmu u l-bravuri politiċi, jinsabu fl-isforzi li jagħmlu ċittadini organizzati għax dawn jippromwovu l-esperjenza tal-“aħna” fuq il-kult tal-“jien”.

Il-valur tax-xogħol vs il-kultura tar-rimi

Il-Papa Franġisku temm id-Daħla tal-ktieb b’riflessjoni fuq xogħol il-bniedem bħala dritt sagru li għandu jkun salvagwardat, skont it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.

“Il-Movimenti Popolari huma xhieda konkreta u tanġibbli li turi li hu possibbli li niġġieldu l-kultura tar-rimi bil-żolqien ta’ forom ġodda ta’ xogħol bażati fuq is-solidarjetà u l-komunità”.

Fl-aħħarnett l-Papa appella għal “umaniżmu ġdid” biex negħlbu n-nuqqas ta’ kumpassjoni u l-ħarsien tal-ġid komuni li tant saru komuni llum.