Il-Moviment Graffiti jilqa’ l-emendi fil-Masterplan ta’ Manoel Island

Il-Moviment Graffiti laqa’ b’sodisfazzjon l-aġġornament tal-masterplan ta’ Manoel Island li ġie ppreżentat lill-pubbliku fil-ġimgħat li għaddew.
Ninnutaw li f’dan il-Masterplan hemm titjib sinifikanti meta mqabbel ma’ dak li ġie ippreżentat iktar kmieni din is-sena.
Il-Moviment Graffiti stqarr li dan juri li movimenti mhux partiġġjani jista’ jkollhom rebħiet konkreti fuq interessi kbar u b’saħħithom.
Filwaqt li qal dan, il-Moviment Graffiti qal ukoll li l-pożizzjoni tagħhom tibqa’ li fil-prinċipju m’għandu jsir l-ebda żvilupp kummerċjali f’dan il-post importanti u ta’ valur.
Fl-istqarrija, il-Moviment fakkar kif il-post kien ingħata lill-kumpanija MIDI permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ partiti fil-Parlament snin ilu, bl-aċċess għall-pubbliku nżamm illegalment magħluq għal 17-il sena.
Fakkar ukoll kif wara ġlieda li damet għaddejja iktar minn xahar is-sena li għaddiet, il-Kunsill Lokali flimkien mar-residenti u organizzazzjonijiet u ndividwi nvoluti fil-Kamp Emerġenza Ambjent ġiegħlu lill-MIDI jiftaħ l-aċċess għall-pubbliku.
F’April li għadda, ir-residenti, il-Kunsill Lokali u l-Kamp Emerġenza Ambjent kienu wkoll esprimew it-tħassib serju tagħhom għall-Masterplan li l-MIDI nedew.
Temm jgħid li l-Gvern għandu jissorvelja l-iżvilupp f’kull stadju minħabba li skont il-Moviment, il-kumpanija MIDI għandha rekord ħażin ferm fejn jidħol il-ksur ta’ dispożizzjonijiet fil-kuntratt mingħajr ebda konsegwenza.
Għalhekk, il-Moviment Graffiti sostna li l-aċċess għall-pubbliku għandu jkun dejjem garantit.