​Il-motto episkopali ta’ Mons. Xuereb jappella għall-għaqda

Monsinjur Alfred Xuereb, li nħatar bħala Nunzju għall-Korea t’Isfel mill-Papa Franġisku, għażel il-frażi “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” bħala l-motto episkopali tiegħu.
Fi stqarrija d-Djoċesi ta’ Għawdex qalet li l-frażi li għażel Mons. Xuereb hija meħuda mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, kap. 17, vers 21 li bil-Latin hija “Ut unum sint”. Dan huwa l-kliem li Ġesù jgħid bħala talba lill-Missier fl-Aħħar Ikla sabiex wara mewtu d-dixxipli jibqgħu magħquda fil-Ġisem mistiku tiegħu li hu l-Knisja.
Skont id-Djoċesi dan il-vers jesprimi biċ-ċar il-missjoni tan-Nunzji Appostoliċi mibgħutin mill-Papa madwar id-dinja. Huma msejjħa biex bil-ħidma tagħhom il-Knisja Kattolika tkompli tissaħħaħ fl-għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru u biex il-popli jersqu iktar lejn xulxin fil-paċi u l-ftehim.
Interpretazzjoni tal-istemma episkopali
Id-Djoċesi spjegat li peress li Mons. Xuereb ġie elett bħala Arċisqof, fl-istemma wieħed jara s-sinjali karatteristiċi ta’ stemma arċiveskovili. Dan b’referenza għall-kappell aħdar b’għoxrin ġummiena u s-salib patrijarkali b’żewġ dirgħajn orizzontali n-naħa ta’ fuq tal-istemma.
Fil-parti ewlenija tal-istemma hemm is-Salib ta’ Malta, li jfakkar l-oriġini Maltija ta’ Mons. Xuereb. Dan jinsab fuq sfond lewn id-deheb, lewn li peress li hu l-ewwel wieħed mill-metalli, hu tradizzjonalment assoċjat mal-ewwel virtù, il-Fidi.
Fil-ġnub tan-naħa ta’ fuq hemm żewġ simboli fuq sfond aħmar meħuda mill-istemmi pontifiċi taż-żewġ Papiet li tagħhom Mons. Xuereb kien Segretarju. L-imħara ġejja mill-istemma tal-Papa Benedittu XVI, u x-xemx tal-Kumpanija ta’ Ġesù ġejja mill-istemma tal-Papa Franġisku.