Il-Mothercare se tagħlaq 79 ħanut

Read in English.

Il-kumpanija internazzjonali magħrufa għall-prodotti tat-trabi u l-maternità, Mothercare, se tagħlaq 79 ħanut, minħabba li qed tfalli.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Sky News, il-kumpanija tinsab f’diskussjonijiet avvanzati dwar finanzjament mill-ġdid.

L-aġenziji tal-aħbarijiet fir-Renju Unit qed jirrappurtaw li b’dan il-pass madwar 2,500 impjieg se jitpoġġew f’riskju.

55 ħanut ingħalqu s-sena l-oħra filwaqt li l-kumpanija ilha żmien twil tipprova tbigħ il-kumpanija fl-Ingliterra. Skont id-Daily Mail bħalissa hemm 500 impjegat fuq bażi full-time jaħdmu mal-kumpanija fir-Renju Unit, filwaqt li hemm 2,000 impjegat part-time.

Il-kumpanija għandha madwar 1,000 ħanut f’50 pajjiż.

Id-ditta tal-awditjar KPMG tqabbad tara x’inhuma l-għażliet li għandu l-Grupp tal-Mothercare fir-Renju Unit. Iżda t-Tnejn tħabbar li l-kumpanija ddeċidiet li tibda l-proċeduri ta’ falliment.

Il-kumpanija għamlet telf ta’ £36.3 miljun is-sena l-oħra.

Ftit xhur ilu Mothercare biegħet l-Early Learning Centre lil The Entertainer għal £13.5 miljun.

Għal iktar minn 10 snin il-Mothercare fir-Renju Unit ma kinitx qed tagħmel qligħ u dan wassal għall-għeluq ta’ diversi ħwienet.