Il-Mostin jingħaqdu flimkien fi proġett ta’ solidarjetà

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta nieda proġett bl-isem ta' “Mosta Solidali” fl-okkażjoni ta’ xahar dedikat lis-settur soċjali fil-lokalità.
Il-proġett se jkun qed jiffoka l-ħidma tiegħu primarjament fuq l-anzjani, persuni b’diżabilità, żgħażagħ u persuni oħra.
Fit-tnedija tal-proġett, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-bini tal-istess Kunsill, il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia saħaq li dan il-proġett huwa wieħed li għandu jkun replikat fl-irħula l-oħra.
Fakkar li ċ-Ċentru Leap tal-Qawra se jkompli jagħti s-sapport tiegħu biex dan il-proġett flimkien ma’ oħrajn ikomplu jkunu suċċess.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Edwin Vassallo semma li dan il-proġett huwa parti minn pjan ta’ sena li l-Kunsill Lokali kollu qabel fuqha.
Il-Viċi Sindku Ivan Bartolo li hu wkoll responsabbli mis-settur soċjali, saħaq li dan il-proġett ġa qed juri sinjali pożittivi.
Huwa spjega kif matul il-ġranet li għaddew ġie impostat invit f’kull dar fil-Mosta sabiex min jeħtieġ l-għajnuna jew jixtieq b’xi mod jagħti l-għajnuna permezz tal-volontarjat, ikun jista' jagħmel dan b’mod organizzat ma’ persuni fil-bżonn.