Il-mod kif jingħażel il-Kummissarju għall-Parlament

Arkivji: PL

Read in English.

Il-Parlament Malti se jkun qed jiddiskuti l-mod kif se jinħatar Kummissarju tal-Pulizija ġdid hekk kif il-Kummissarju Lawrence Cutajar rriżenja mill-kariga.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt meta qal li din il-ġimgħa stess il-proposta ta’ metodu ġdid ta’ għażla se titressaq quddiem il-Kabinett biex imbagħad tkun diskussa wkoll fil-Parlament bħala l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż.

Mingħajr ma’ daħal fid-dettall tal-proposta, il-Ministru qal li “l-proċess se jwassal għal aktar skrutinju fl-għażla ta’ din il-kariga importanti fil-Korp tal-Pulizija”.

Camilleri naqas milli jwieġeb jekk il-Pulizija għandhomx jinvestigaw lir-raġel tal-Ministru Justyne Caruana għal mod kif mexa meta kien iservi ta’ Deputat Kummissarju tal-Pulizija. Il-gazzetta The Sunday Times of Malta rrappurtat li Silvio Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech, meta Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Camilleri wieġeb biss li kull allegazzjoni għandha tiġi investigata filwaqt li għamilha ċara li l-politiku m’għandu qatt jindaħal jew ikun parti minn investigazzjonijiet ta’ dan it-tip. Sostna li fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti, jinsab aktar konvint li hemm bżonn issir riforma fil-Pulizija.

Dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela reġa’ tenna l-impenn tiegħu li jressaq metodu ġdid ta’ għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija “li tkun tixraq għaż-żminijiet tal-lum”.