“Il-Mod Ġdid li wiegħed Delia agħar minn ta’ qablu” – Abela u Muscat

Id-Deputati Laburisti Robert Abela u Alex Muscat qalu li l-fatt li d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami baqa' Ċermen tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) juri li l-Mod Ġdid li wiegħed il-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, hu fil-fatt agħar minn ta’ qablu.
Iż-żewġ deputati, li huma wkoll membri f’dan il-kumitat, irreferew għal-laqgħa tal-PAC tal-bieraħ fejn qalu li Beppe Fenech Adami aġixxa b’mod agressiv meta ffaċjat bil-fatti li ħarġu dwaru f’gazzetta nhar il-Ħadd li għadda.
Serje ta’ imejls li nħarġu mill-MaltaToday nhar il-Ħadd li għadda wrew kif għadd ta’ Membri Parlamentari Nazzjonalisti u kandidati oħra ppruvaw idaħħlu nies jaħdmu mal-Wasteserv.
L-imejls kienu jkopru bejn l-2009 u l-2013, u juru kif il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv kien “ibbumbardjat”, skont il-midja, minn persuni bħal Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Chris Said, li kienu jissuġġerulu nies partikulari biex idaħħalhom jaħdmu miegħu.
Sadanittant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, id-Deputati Laburisti qalu li b’dawn l-aġiri l-PN ta’ Adrian Delia qed inaqqas u mhux iżid l-istandards fil-politika.
Semmew ukoll kif dalgħodu Delia ddefenda lil Beppe Fenech Adami u d-deputati l-oħra tiegħu meta qal li dawn għamlu biss rakkomandazzjonijiet.
Temmew isostnu li dan hu każ ieħor li juri li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibbiltà biex imexxi l-pajjiż.