Il-MOAS; b’suċċess iżda mhux bla intoppi fi Mjanmar

Il-Migrant Offshore Aid Station (MOAS), tispiċċa b’suċċess, iżda mhux bla ntoppi, it-tieni ġimgħa tal-missjoni ta’ osservazzjoni fil-baħar Andaman, fl-Ażja, fejn bagħtet vapur Mediterranju ta’ salvataġġ, M/Y Phoenix.
Il-vapur qed janalizza l-iżviluppi tal-kriżi tar-refuġjati Rohingya.  
Il-pjan ta’ din il-bastiment kien li jidħol fil-port Phuket ilbieraħ wara nofsinhar, biex il-mediċi u l-korp ta’ salvataġġ li hemm abbord ikunu jistgħu jqattgħu sitt ijiem josservaw l-ibħra ta’ bejn Phuket u Ranong, mal-fruntiera ta’ Mjanmar.
Madanakollu, nhar il-Ħamis li għadda, il-vapur irċieva telefonata minn flotta Tajlandiża, biex tavżahom li mhux se jkunu jistgħu jankraw bla permess mill-awtoritaijiet Tajlandiżi.
Din hi komunikazzjoni rregolari ħafna, għaliex huma kienu f’baħar kontigwu, fejn bċejjeċ kummerċjali għandhom il-libertà li jankraw f’ibħra internazzjonali.
Għal din ir-raġuni, il-pjanijiet ta’ osservazzjoni f’din iż-żona ġew ikkanċellati.
Il-MOAS qalet li mhux l-ewwel darba li ltaqgħet ma problemi ta’ dan it-tip.
Id-direttriċi tal-organizzazzjoni, li bħalissa qiegħda fuq il-vapur, qalet “Aħna rajna il-konsegwenzi tal-indifferenza globali fit-tfal, nisa u rġiel li ġew salvati mill-MOAS matul is-sena li għaddiet, kemm fil-Mediterran, kif ukoll fil-Baħar Eġew”.
Ix-xogħol tagħhom bħala organizzazzjoni mhux governattiva indipendenti, ġibed l-attenzjoni ta’ awtoritajiet marittimi u tal-avjazzjoni.
Il-ħaddiema fuq dan il-vapur qegħdin kontinwament ifittxu affarijiet li jidru mhux tas-soltu fuq ir-radar tagħhom u jinvestigawhom. S’issa l-MOAS investigat total ta’ 135 kuntatt, bil-maġġoranza tagħhom ikunu vapuri tas-sajd. 
L-osservazzjonijiet ta’ dan il-vapur huma ppjanati li jkomplu sal-20 ta Mejju.