Il-miżuri tat-traffiku fi Triq l-Imġarr jitlestew fil-jiem li ġejjin – Borg

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li fil-ġranet li ġejjin se jiġu implimentati l-bqija tal-miżuri għal kontroll aħjar tat-traffiku fi Triq l-Imġarr f’Għawdex, triq magħrufa għall-inċidenti u l-fatalitajiet.

Mistoqsi fil-Parlament mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Kevin Cutajar dwar l-andament tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku, il-Ministru qal li Transport Malta qiegħda tagħmel xi aġġornamenti fl-immaniġġjar tat-traffiku, b’miżuri “differenti skont il-bżonn.”

Borg speċifika li partijiet minn dan il-proġett diġà ġew implimentati mill-Ministeru għal Għawdex. Il-bqija tal-proġett għandu jiġi implimentat fil-jiem li ġejjin.

Wara li f’Awwissu li għadda, mara tilfet ħajjitha meta kienet involuta f’ħabta bejn żewġ karozzi f’din it-triq, l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet qalet li hemm pjan għal Triq l-Imġarr sabiex ma jkunx hemm iktar fatalitajiet.

Skont informazzjoni li ta l-eks Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fil-Parlament, bejn l-2013 u Marzu tal-2019, kien hemm inċident wieħed fatali u 84 inċident ieħor f’din it-triq.