Il-miżuri tal-Gvern mhux se jsalvaw l-impjiegi – Il-Kamra tal-Kummerċ

Aġġornat 06:42 AM
a man wears a mask outside St Julians coronavirus
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-miżuri mħabbra mill-Gvern il-lejl li għadda huma diżappuntanti u li mhux se jwaqqfu t-telfien tal-impjiegi.

Fi stqarrija, il-Kamra sostniet li filwaqt li l-Gvern iddikkjara li l-miżuri huma intenzjonati biex jipproteġu l-impjiegi u ma jkunx hemm nuqqas fil-pagi, il-Kamra qalet li l-impjegati huma dawk li l-aktar se jagħmlu telf mill-pakkett ta’ sapport imħabbar mill-Gvern. Qalet li l-Kamra tal-Kummerċ tista’ tagħmel din id-dikjarazzjoni għax tinsab f’kuntatt mal-bżonnijiet u l-uġigħ li qed iħossu n-negozji f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Is-susidji fuq is-salarji kienet il-miżura ta’ prijorità għall-Kamra f’isem il-membri tagħha. Il-Kamra qalet li tinsab konvinta li hemm ġustifikazzjoni soċjo-ekonomika biex il-Gvern jestendi s-sapport fejn jassifura li l-kumpaniji affettwati jżommu l-ħaddiema fil-kotba tagħhom waqt li n-negozju ma jkunx miexi. Qalet li dan it-tip ta’ sapport iservi biex jassigura li ma jkunx hemm massa ta’ persuni li jitilfu l-impjieg tagħhom u joħolqu problemi fil-familji u żieda fl-ispejjeż tal-Gvern minħabba li dawn jispiċċaw japplikaw għar-relief.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li sa issa hi ssuġġeriet li l-miżuri ideali jkunu li l-kumpaniji li qed isofru minn telf ta’ 25% tan-negozju tagħhom, il-Gvern għandu jħallas 50% tas-salarji tal-impjegati sal-massimu tas-salarju medju. Qalet li l-miżura tal-Gvern toffri biss sussidju għal 20% tas-salarju bbażat fuq paga minima.

Il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet id-diżappunt tagħha meta ma saret l-ebda referenza lill-fatt li l-Gvern se jkun qed jimplementa miżuri biex inaqqas in-nefqa tas-settur pubbliku.

Minkejja dan kollu, il-Kamra tal-Kummerċ tkellmet pożittiv fuq il-miżura li l-Gvern se jkun qed iħallas il-leave tal-kwarantina għal kull impjegat. Qalet iżda li r-rata ta’ €350 għal kull impjegat li qed joffri l-Gvern mhux se tikkumpensa b’mod sħiħ lil min iħaddem fejn jidħol l-abbuż ta’ impjegati li intenzjonalment jispiċċaw fi kwarantina.

“Il-kontenut tal-pakkett huwa differenti mit-tabella” – MEA

L-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem (MEA) qalet li filwaqt li mil-lat ta’ relazzjonijiet pubbliċi, il-figura ta’ €1.8 biljun tidher waħda impressjonanti, meta wieħed jevalwa l-kontenut jinduna li huwa differenti mit-tabella. L-Assoċjazzjoni sostniet li n-nefqa tal-gvern se tkun ħafna inqas mill-ammont li ssemma lbieraħ.

Hi kompliet tgħid li minkejja li l-pakkett jindirizza problemi li qed jaffaċċjaw il-kumpaniji f’din il-kriżi, huwa ‘l bogħod minn dak li hemm bżonn isir biex ikunu jistgħu jżommu n-negozju tagħhom għaddej. Qalet li l-inizjattivi, se jkunu insuffiċjenti għal ħafna negozji sabiex jissalvagwardjaw l-impjiegi tal-ħaddiema. Insistiet li l-Gvern messu ffoka iktar fuq sussidji fuq il-pagi milli likwidità. L-MEA qalet li miżuri oħrajn li jistgħu jiġu introdotti huma relatati mat-taħriġ inkluż rifużjoni sħiħa ta’ pagi, ħlas għal taħriġ u inċentivi għall-ġenituri li ma jistgħux jagħmlu teleworking.

Intant, dwar il-grant tal-leave tal-kwarantina ta’ €350 għal kull ħaddiem li jitlob dan il-leave, l-MEA qalet li din mhux biżżejjed. Sostniet li min iħaddem huwa kontra li jkun sfurzat iħallas dan il-leave. Sostniet li l-leave ta’ kwarantina hija servizz soċjali, u dawn is-servizzi suppost jiġu ffinanzjati mit-taxxi u mhux minn min iħaddem.

Filwaqt li qalet li l-miżuri mħabbra huma pass fid-direzzjoni t-tajba sostniet li għad fadal xi jsir biex ir-riskju tan-negozji jittaffa kemm meħtieġ biex huma jsalvaw din it-tempesta.

“Il-miżuri tal-gvern ‘il bogħod minn dak li hemm bżonn” – MHRA

L-Assoċjazzjoni għall-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) sostniet li bħalissa n-negozju tal-lukandi, r-restoranti u stakeholders oħra fil-qasam tal-ospitalità jinsab kompletament wieqaf. Qalet li dawn issa m’għandhom l-ebda sors ta’ dħul u spiża enormi fejn jidħlu l-pagi. Qalet li din hija sitwazzjoni li wieħed impossibbli jkampa biha għal aktar minn ftit ġimgħat.

L-MHRA irrimarkat li s-settur tal-ospitalità huwa wieħed intensiv u l-akbar spiża tiegħu tmur lejn il-pagi tal-impjegati. Qalet li l-istess settur ikkontribwixxa b’mod sħiħ lejn id-dħul tal-Gvern u pproduċa dħul ta’ €2.2 biljun fis-sena.

L-Assoċjazzjoni ammettiet li l-pandemija tal-COVID-19 kienet xi ħaġa li wieħed ma setax ibassar u għaldaqstant impossibbli li wieħed seta’ jaħseb fi pjan ta’ kontinġenza għal xi ħaġa bħal din minn qabel.

L-MHRA qalet li jekk il-Gvern jagħti l-għajnuna li verament hija meħtieġa mis-settur tat-turiżmu, jista’ jwassal sabiex il-pagi tal-ħaddiema ta’ dawn in-negozji jibqgħu joħorġu u ma jsirux tkeċċijiet. Qalet li mingħajr din l-għajnuna huwa impossibbli li negozju jkampa aktar minn ftit ġimgħat.

Għaldaqstant qalet li ssib il-miżuri tal-gvern imħabbra lbieraħ diżappuntati għax mhux se jkunu biżżejjed biex l-impjegati ma jitkeċċewx.

3 proposti mill-Alternattiva Demokratika

Intant, iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li għandhom jittieħdu numru ta’ miżuri addizzjonali:

  1. Għajnuna lin-negozji għandha tmur biss lil dawk li batew tnaqqis drastiku fid-dħul tagħhom meta mqabbel mas-sena l-oħra.
  2. L-għajnuna lil ħaddiema freelance u każwali għandha tkun dħul garantit għax-xhur li ġejjin.
  3. Il-kuntratti tal-inkwilini fi propjetajiet mikrija għandhom jiġġeddu awtomatikament sakemm tghaddi l-krizi. Dan apparti bżonn ta’ impenn akbar mill-gvern biex joffri housing diċenti u adekwat lill-aktar vulnerabbli.

“Bżonn pakkett ta’ miżuri għas-settur tal-volontarjat f’Għawdex”

L-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin saħqet dwar il-bżonn li jitfasslu miżuri addattati biex jilqgħu għad-diffikultajiet speċifiċi ta’ Għawdex, “li bħala riżultat ta’ insularità doppja, se jbati minn konsegwenzi ikbar bħala riżultat tal-pandemija tal-Covid-19”.

L-Assoċjazzjoni qed titlob li fl-iqsar żmien possibli jiġi mfassal pakkett ta’ miżuri biex jilqa’ għal effett tas-sitwazzjoni preżenti fuq is-settur tal-volontarjat u non-governattiv f’Għawdex. Saħqet li dan fid-dawl li għadd mhux żgħir ta’ għaqdiet f’Għawdex qed ikollhom jipposponu, u f’ċerti każi anke jikkanċellaw, l-attivitajiet tagħhom. Fakkret li f’ħafna drabi jkun saru spejjeż konsiderevoli waqt il-fażi preparatorja ta’ kull proġett jew attività; spejjeż li jekk ma jkunux rikoverati jistgħu jxekklu, jew saħansitra jpoġġu f’diffikultà kbira, l-għaqdiet volontarji infushom.

Il-Gvern mhux jifhem il-qagħda tan-negozji – Il-Kamra tal-SMEs

Il-Kamra tal-SMEs qalet li b’dan il-pakkett, il-Gvern wera li mhux jifhem il-qagħda kritika li jinsabu fiha n-negozji. Skontha, il-pakkett imħabbar ilbieraħ ma jfisser xejn u mhu se jibdel xejn rigward id-deċiżjonijiet ibsin li jrid jieħu min iħaddem.

Fi stqarrija, ingħad li gvernijiet barranin taw prijorità li n-negozju jibqa’ għaddej u l-ħaddiema jżommu xogħolhom, mentri f’Malta l-Gvern donnu qabeż mill-ewwel għal sitwazzjoni tal-qgħad. Il-Kamra insistiet li fejn tista’ tiġi evitata t-tkeċċija tal-impjegati, għandha tiġi evitata.

Stennejna miżuri li jissalvagwardjaw lill-ħaddiema fit-turiżmu – GTA

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija qalet li l-Gvern se joħroġ inqas flus milli ħabbar fil-pakkett. Filwaqt li apprezzat li l-miżuri għandhom ikunu ta’ xi għajnuna, stqarret li kienet qed tistenna iżjed għajnuna lis-settur li bħalissa u fil-futur qarib mhu se jkollu l-ebda dħul. Stenniet ukoll aktar miżuri li jissalvagwardjaw lill-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu.

Appellat lill-Gvern biex jieħu miżuri aktar drastiċi li jkollhom effett immedjat fuq l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin.

Għaliex il-Gvern ma semmiex sussidji fuq id-dawl u l-ilma? – GBC

Fir-reazzjoni tagħha għal dawn il-miżuri, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija staqsiet għaliex il-Gvern ma semmiex is-sussidji tal-utilitajiet f’xenarju fejn il-prezzijiet internazzjonali tal-gass u ż-żejt ħadu daqqa ‘l isfel.

Apparti dan, il-Kamra semmiet li mill-€1.9 biljun, inqas minn €200 miljun se jmorru għan-negozji privati u l-impjegati tagħhom, li hu ħafna inqas minn dak li hu mistenni f’ċirkustanzi straordinarji bħal dawn.

Il-Gvern missu jara li ma jitkeċċewx impjegati – GWU

Min-naħa tagħha, il-GWU sostniet illi l-Gvern għandu jkompli jniedi aktar miżuri sostenibbli fl-ekonomija bil-għan illi jkompli jtaffi t-tbatijiet għal min iħaddem. Saħqet li temmen ukoll li kull miżura għandha tkun dejjem marbuta maż-żamma tal-impjegati. Fid-diskussjonijiet li qed ikollha l-GWU bħalissa ma’ diversi postijiet tax-xogħol, hija infurmata li l-miżuri offruti xorta se jkun hemm tkeċċijiet mill-postijiet tax-xogħol.

Minkejja dan, innutat li l-miżuri mħabbra mill-Gvern fosthom l-għajnuna diretta għall-ġenituri li ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol minħabba l-għeluq tal-iskejjel u child cares, li jgorr parti mil-leave tal-kwarantina obbligatorja, iż-żieda fil-benefiċċji tal-qgħad għal min sfortunatament jitlef l-impjieg tiegħu, huma miżuri pożittivi.

Il-GWU qed tipproponi inċentivi ġodda lill-kumpaniji kollha, fosthom żieda diretta fl-għajnuna għall-ħlas ta’ pagi u krediti fil-pagamenti tat-taxxa biex aktar kumpaniji jżommu l-impjegati. Ipproponiet ukoll it-tnaqqis f’Government Induced Costs għall-industriji tal-manifattura u t-turiżmu fosthom tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex ikomplu jiġu megħjuna l-kumpaniji Maltin f’dan iż-żmien hekk diffiċli. Barra minn hekk il-moratorju fuq is-self speċjalment dak residenzjali għandu jkun mandatorju u aktar minn tliet xhur.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn