Il-miżuri tal-Gvern ma japplikawx għal 62.7% tas-self-employed – stħarriġ

Read in English.

62.7% minn dawk li jaħdmu għal rashom qalu li l-ebda mill-pakketti ta’ għajnuna tal-Gvern ma japplikaw għalihom. Huma kienu qegħdin jipparteċipaw fi stħarriġ li sar mill-Federazzjoni Maltija għall-Assoċjazzjonijiet Professjonali (MFPA).

Dan l-istħarriġ sar fl-ewwel ġimgħa t’April dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti. Fi stqarrija, l-MFPA qalet li l-għan tal-istħarriġ kien li jiksbu stampa aktar ċara tad-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw il-professjonisti issa li l-coronavirus xekklet diversi setturi tax-xogħol, sabiex jagħtu xi proposti lill-awtoritajiet.

L-istudju sar fost 1,163 individwu. 65.3% ta’ dawk li wieġbu kienu professjonisti tas-saħħa, u kien hemm tliet kategoriji ta’ impjieg: 48.7% impjegati, 17.7% impjegati u b’xogħol part-time, u 33.6% self-employed.

Mir-riżultati deher li 70.3% tas-self-employed tilfu aktar minn nofs id-dħul normali tagħhom. 83.5% ta’ dawk li jaħdmu full-time u għandhom xogħol part-time għal rashom kellhom nuqqas fid-dħul, b’25.2% b’nuqqas t’aktar minn 50%.

Meta ġew mistoqsijin jekk il-pakketti finanzjarji mħabbrin mill-Gvern humiex se jkunu ta’ għajnuna għalihom, 62.7% tas-self-employed wieġbu li ma japplikawx għalihom, 25.8% ma kinux jafu u 11.5% qalu li se jgħinuhom.

96.9% tal-professjonisti li jaħdmu għal rashom qalu li kellhom nuqqas ta’ xogħol u 72% iħossuhom aktar stressjati mis-soltu, l-aktar peress li qegħdin jaħdmu iżjed sigħat minn nofs Marzu ‘l hawn. Jidher li s-self-employed qegħdin iħossu aktar stress minn dawk li huma impjegati.

33% ta’ dawk li pparteċipaw qalu li huma f’riskju għoli li jiġu infettati bil-virus permezz tax-xogħol.

Xi wħud mis-suġġerimenti ta’ dawk li pparteċipaw kienu li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tiżdied l-allowance tas-saħħa, jiġu provduti flus f’każ ta’ riskju, jiġi sospiż il-ħlas ta’ self mill-banek, il-pagi jkunu ssussidjati, ikun hemm suppliment tal-paga u żieda ta’ bonus monetarju.

L-MFPA qalet li stħarriġ ieħor se joħroġ fil-jiem li ġejjin.